Fi stqarrija l-Unjin Maltija għall-għalliema, l-MUT, qalet li ma hemm l-ebda falliment fil-qasam edukattiv ta’ pajjiżna.
Dan fid-dawl tal-bidla fit-tmexxija tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, hekk kif issa Dr Justyne Caruana issa hija l-Ministru tal-Edukazzjoni.
L-MUT qalet li “hi mħassba ferm dwar ir-rabta li qed tipprova tintiseġ li tali bidla hi dovuta għal falliment fil-qasam edukattiv.”
Wieħed minn dawk li ħareġ jattakka l-qasam tal-edukazzjoni huwa l-Kap tal-Opożizzjoni Bernard Grech, fejn f’diskors negattiv il-Ħadd li għadda ddeskriva l-bidliet fil-Kabinett bħala “kawlata”.
L-MUT żiedet tfaħħar “il-ħidma sfieqa u kontinwa tal-edukaturi li kemm f’Marzu u fix-xhur ta’ wara mid-djar kif ukoll fil-perjodu tal-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel ħadmu qatigħ sabiex l-istudenti jkomplu jirċievu edukazzjoni ta’ kwalità matul il-pandemija.”
L-istqarrija innutat il-ħidma tal-Ministru Owen Bonnici waqt il-pandemija u qalet li issa tistenna li t-tajjeb li sar speċjalment waqt l-imxija, ikompli jinbena fuq dan is-settur, sabiex l-iskejjel ikomplu jiġu mgħejuna u l-ħidma tal-edukaturi tkompli ssir f’kuntest li jiġu assigurati l-aqwa miżuri ta’ saħħa u sigurtà.