Il-Gvern u r-rappreżentanti tal-edukaturi kellhom diskussjonijiet produttivi wara laqgħat li komplew dalgħodu dwar il-ftuħ tal-iskejjel.
Fit-taħdidiet kien hemm involuti l-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci u rappreżentanti tal-unjin tal-għalliema, l-MUT fost oħrajn.
Fi tmiem il-laqgħa f’Kastilja, il-President tal-MUT Marco Bonnici qal li l-indikazzjonijiet huma li se jkun hemm lok għal ftehim wara li kien ordnat strajk ta’ jumejn.
Is-Sur Bonnici qal li fis-sigħat li ġejjin mistenni li jkun hemm żblokk.
Qal l-intenzjoni hija li toħroġ pożizzjoni waħda bi qbil ma’ kulħadd biex il-ftehim ikun japplika għall-iskejjel kollha, inkluż dawk tal-Knisja u indipendenti.
Spjega kif fil-ħin li ġej, wara diskussjonijiet interni toħroġ il-pożizzjoni wara t-taħdidiet.
Is-Sur Bonnici qal ukoll li s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci tat spjegazzjoni flimkien mal-istatistiku Vince Marmara’ dwar is-sitwazzjoni preżenti tal-imxija.