Il-Unjin tal-Għalliema, l-MUT, qalet li se tkun qed tiltaqa’ mal-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u l-Ministru ghall-Edukazzjoni Justyne Caruana biex jiddiskutu s-sitwazzjoni preżenti dwar l-imxija, b’mod partikolari tal-varjant tal-virus.
Il-President tal-MUT Marco Bonnici, li qal li l-unjin irreġistrat tilwima industrijali, saħaq li l-aqwa edukazzjoni xorta tibqa’ dik ta’ fuq il-bank tal-iskola, madanakollu bis-sitwazzjoni preżenti fejn hemm studenti u anke ħaddiema tal-iskola li jinsabu pożittivi jew inkella fi kwarantina, it-tagħlim qed jiġi affettwat.
Filwaqt li ma semmix x’passi se tieħu l-MUT, is-Sur Bonnici qal li aktar tard mal-jum ser jiltaqa’ wkoll il-Kunsill tal-unjin.
L-MUT semmiet ukoll il-programm ta’ tilqim tal-edukaturi li beda.