Kollox lura għan-normal fl-iswali tal-operazzjonijiet fl-Isptar Mater Dei, wara li l-Gvern u l-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel laħqu ftehim dwar kwistjoni li nqalgħet fl-aħħar jiem.
Riżultat tal-ftehim, twaqqfu l-azzjonijiet industrijali li kienu se jsiru mill-MUMN f’din il-parti tal-isptar.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal ma’ dan l-istazzjon li l-ftehim intlaħaq fi sfond ta’ numru ta’ diskussjonijiet ma’ rappreżentanti tal-MUMN fi tmiem il-ġimgħa li għadda.
“Il-kwistjoni kienet tirrigwardja l-compliment, jiġifieri kif se jaħdmu n-nurses fl-iswali tal-operazzjonijiet. Aħna f’dawn l-aħħar ġimgħat daħħalna numru iktar ta’ nurses fl-iswali tal-operazzjonijiet biex inkunu nistgħu nagħmlu aktar operazzjonijiet, u issa over the weekend ilħaqna ftehim ta’ kif dawn iridu jaħdmu ġo dawn l-iswali.”
Għaddejjin ukoll diskussjonijiet mal-General Workers Union biex jiġu rikonoxxuti l-impjegati li ħadu taħriġ biex itejbu l-għarfien u l-pożizzjoni tagħhom.
“Hemm issue dwar recognition ta’ xi awards, kwalifiċi, tan-nies li jaħdmu fil-kamra Mortwarja. Jien infurmat li hemmhekk ukoll mexjin tajjeb ħafna u mistenni li jkun hemm żblokk hemmhekk ukoll.”
Il-Ministru temm jinnota li f’Dipartiment bħalma huwa dak tas-saħħa – li jħaddem aktar minn tmint elef persuna, huwa normali li jkun hemm nuqqas ta’ qbil.
Iżda r-relazzjoni tajba li l-Gvern għandu mal-unjins rispettivi, twassal biex jintlaħaq kompromess.