L-għada li l-Qorti waqfet azzjonijiet industrijali tal-Unjin għall-Infermiera u Qwiebel, l-MUMN, l-istess unjin ordnat azzjonijiet industrijali ġodda.
L-Unjin għall-Infermiera u l-Qwiebel ordnat mill-ġdid azzjonijiet industrijali fid-dipartiment li fih jiġu sterilizzati u jitnaddfu l-għodda li jintużaw għall-operazzjonijiet.
Filwaqt li lbieraħ l-Imħallef Robert Mangion iddeskriva l-azzjoni industrijali tal-MUMN bħala ta’ periklu għas-saħħa tal-pazjenti u ordna li din ma tidħolx fis-seħħ, inqas minn 24 siegħa wara, l-MUMN għażlet li xorta ssejjaħ fis-seħħ att ta’ direttivi li bihom se jkun qed jintlaqtu bosta pazjenti.
L-azzjonijiet ġew imsejħa wkoll fid-dipartiment tad-dentistrija u fiċ-ċentru tal-patoloġija.
L-azzjonijiet li kien sejjaħ il-President tal-MUMN Paul Pace u li ma ntlaqgħux mill-Qorti kienu qed jolqtu tmenin operazzjoni kuljum.