L-Unjin għall-Infermiera u l-Qwiebel, l-MUMN, irrifjutat il-ftehim settorjali l-ġdid ippreżentat mill-Gvern. Dan għamlitu waqt laqgħa ġenerali straordinarja li saret ilbieraħ filgħaxija.
Fil-laqgħa attendew ftit inqas minn kwart tal-infermiera li ħadu sehem fil-votazzjoni.
Il-ftehim settorjali kif propost fih żieda konsiderevoli fid-dħul tal-infermiera. Fil-fatt, huwa stmat li, mill-inqas, infermier jara żieda ta’ €6,000 fis-sena sa tmiem il-perjodu tal-ftehim kollettiv.
Proposti oħra ppreżentati mill-Gvern huma ż-żieda fin-nursing premiums, żieda fil-Continous Professional Development Allowance, u l-istess fil-Managment and Training Allowance u l-Fixed Allowance, fost oħrajn.
F’konferenza tal-aħbarijiet l-Erbgħa filgħodu fil-binja tal-MUMN f’Ħal Qormi, il-President tal-unjin Pawlu Pace qal li filwaqt li llum mhux se jmorru għal direttivi ġodda, huma ma jeskludu xejn.
Il-Gvern insista f’diversi okkażjonijiet li l-Unjin tpoġġi għal proċess ta’ konċiljazzjoni, xi ħaġa li l-President tal-MUMN Pawlu Pace baqa’ ma aċċettax anki llum.
Intant, waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, għal mistoqsija lil Paul Pace dwar jekk ġiet imserrħa ras il-membri li attendew il-laqgħa tal-bieraħ rigward allegazzjonijiet serji dwaru marbuta ma’ abbuż fuq ix-xogħol, wieġeb minfloku is-Segretarju Ġenerali tal-Unjin. Huwa qal li ma kienx hemm bżonn li jispjegaw lill-membri dwar dan, u li l-unjin tinsab trankwilla tistenna dak li se joħroġ mill-investigazzjoni.