Il-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) qiegħda tipprotesta għan-nuqqas ta’ riżorsi umani biex jiġu allokati health carers ma’ pazjenti li jkollhom bżonn constant watch minħabba l-kundizzjoni ta’ saħħithom.
Fi stqarrija, l-MUMN spjegat li dan it-trattament jiġi ordnat mit-tobba tal-pazjenti wara li jkunu invistaw u analizzaw il-ħtiġijiet tal-istess pazjenti. Meta l-management ma jipprovdix biżżejjed health carers ikun ifisser li ser ikun hemm numru sostanzjali ta’ pazjenti li mhux ser jirċievu ttrattament ordnat mit-tobba stess. Dan it-ttrattament ikun ordnat kemm mal-ġurnata kif ukoll matul il-lejl. Matul il-lejl is-sitwazzjoni tkun ħafna agħar peress li l-infermiera u l-qwiebel jinżel bin-nofs filwaqt li dawk il-persuni nkarigati mis-swali, dak il-ħin ma jkunux xogħol.
Fi kliem l-MUMN, minħabba n-nuqqas ta’ dawn il-health carers, l-infermiera qed jiġu mitluba mill-management biex inaqsu persuna mis-supporting staff tagħhom biex jallokawh ma’ pazjenti li jkollu bżonn constant watch. In-numru tal-infermiera kif ukoll tas-supporting staff diġà ikun bin-nieqes fuq bażi regolari u għalhekk ikun prattikament impossibli biex jerġa’ jonqos supporting staff ieħor mill-compliment tal-istaff.
“Minħabba din is-sitwazzjoni qiegħed ta’ kuljum ikun ipperikolat is-safe practice tal-pazjenti. Dan ifisser li l-opportunità li pazjent iweġġa’ lilu nnisfu, jaħrab mill-isptar kif ukoll li jagħmel ħsara terminali lilu nnifsu ikunu fattwali u li jistgħu jsiru minn ħin għall-ieħor.”
L-MUMN qalet li ma tistax taċċetta li l-membri tagħha jidħlu f’każijiet medikolegali minħabba nuqqas tal-management. Ma jagħmilx sens li infermiera tiġi interrogata fil-kamra mortwarja (għaliex hemm qed isiru l-inkjesti mill-esperti tal-Qorti) u tiġi preposta għal kawżi civili u kriminali minħabba n-nuqqas tal-management biex ma nsemmux l-inkwiet u t-tensjoni personali u familjari li dawn l-eventwalijiet iġibu magħhom.
Il-Union qalet li infurmat lill-management li sakemm jiżdiedu l-ammont ta’ health carers biex ikunu disponibli biex joqogħdu constant watch, kemm mal-ġurnata kif ukoll bil-lejl, l-infermiera u l-qwiebel ser jobdu d-Direttivi Industrijali mogħtija lilhom mill-MUMN biex tissalvagwardja l-interessi tal-membri tagħha.