L-Unjin Maltija għall-Qwiebel u l-Infermieri, l-MUMN, laqgħet id-deċiżjoni tal-Gvern li, permezz tal-Ministeru għas-Saħħa, joħroġ sejħa għal servizzi ta’ emerġenza mill-privat fuq bażi ta’ 24 siegħa, sebat ijiem fil-ġimgħa, lil hinn minn dawk li huma diġà offruti mill-isptarijiet tal-Istat.
Fi stqarrija, l-MUMN iddeskriviet dan il-pass bħala l-aħjar għażla biex jitnaqqas il-ħin ta’ stennija fl-Isptar Mater Dei u fl-istess ħin titnaqqas it-tbatija tal-pazjenti.
L-unjin qalet li l-benefiċċju ta’ din is-sistema mhuwiex biss it-tnaqqis fil-ħin, iżda se tippermetti lill-pazjent ikollu aċċess biex jitkellem ma’ konsulent li jkun jista’ jiggwidah skont il-kundizzjoni medika tiegħu.
Is-sistema se taħdem billi mill-ewwel stadji, konsulent se jkun qed jesegwixxi sistema ta’ triage li tiggwida lill-pazjent jekk jattendix Mater Dei jew xi sptar privat, biex b’hekk is-sistema tkun waħda bla riskju.
Dan se jiffranka l-ħin prezzjuż tal-pazjent billi jelimina l-possibbiltà li wieħed jistenna diversi sigħat biex jiġi eżaminat minn konsulent fid-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei, biex imbagħad jinstab li l-kundizzjoni tal-pazjent ma teħtieġx ammissjoni.
Intqal kif, b’differenza għal dak irrapportat b’mod falz minn ċerti midja, mhux il-pazjent se jkun qed jiddeċiedi jekk jattendix Mater Dei jew sptar privat, iżda konsulent speċjalizzat li jara lill-pazjent fi stadji inizjali.
Din l-istqarrija ġiet ippubblikata fl-istess waqt li l-Kulleġġ Malti għat-Tobba tal-Familji u l-Assoċjazzjoni tat-Tobba tal-Familji ħarġu stqarrija konġunta kontra din id-deċiżjoni tal-Gvern, bl-MUMN tikkundanna lil kull min qed jipprova jwaqqaf dan minħabba aġendi personali tagħhom u askapitu tal-pazjenti.
L-MUMN qalet kif is-sitwazzjoni fid-Dipartiment tal-Emerġenza teħtieġ bidliet urġenti. Fil-fatt il-Gvern diġà ħabbar l-akbar investiment li se jsir f’dan id-dipartiment, inkluż bit-tkabbir tiegħu.
L-MUMN tenniet kif hi aktar minn lesta li tikkollabora mal-Ministru għas-Saħħa Jo Etienne Abela biex proposti bħal dawn ikunu ta’ suċċess għall-ġid u l-benesseri tal-pazjenti li jeħtieġu l-kura fid-Dipartiment tal-Emerġenza ta’ Mater Dei.