Il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ mal-Unjin għall-Infermiera u l-Qwiebel, l-MUMN, fejn fost l-oħrajn ġew diskussi l-proposti mill-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista dwar il-qasam tas-saħħa.
Fil-laqgħa, il-Prim Ministru Robert Abela rringrazzja lill-ħaddiema kollha tas-saħħa għax-xogħol siewi li jwettqu ta’ kuljum, b’mod partikolari għall-ħidma tagħhom waqt il-pandemija.
Il-Mexxej Laburista semma wkoll l-impenn, li jekk jingħata fiduċja, Gvern Laburista ġdid se jibqa’ jinvesti bis-sħiħ fil-qasam tas-saħħa f’pajjiżna.
Ma naqasx li jsemmi proposti kruċjali, fosthom dawk fuq il-kura preventiva, il-kura primarja, l-investiment fl-isptarijet f’Malta u Għawdex, il-kura tas-saħħa mentali, l-emendi fil-liġi tal-IVF, il-mediċni b’xejn, il-kura paljattiva, is-saħħa sesswali, emerġenzi fil-futur, trattament kontra l-kanċer u dawk dwar id-drittijiet u d-dinjità tal-pazjenti.
Il-President tal-MUMN Paul Pace, fil-kummenti tiegħu qal kif dawn il-proposti li l-Partit Laburista qed iressaq quddiem l-elettorat Malti u Għawdxi huma kollha tajba u meħtieġa.
Hawnhekk huwa semma n-nuqqas ta’ infermiera fil-pajjiż, anke għall-fatt li wħud qed jiddeċiedu li jibdew mal-ewwel il-kors tal-mediċina.
Fil-fatt, mit-80 infermier li gradwaw l-aħħar, 30 minnhom bdew jistudjaw għal tobba.
Flimkien mal-Prim Ministru għal din il-laqgħa kien hemm ukoll id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, u l-Kandidati Laburisti Jo Etienne Abela u Malcolm Paul Agius Galea.