Wiċċ ġdid għall-promenade f’Tal-Għażżelin f’San Pawl il-Baħar ifisser aktar spazju miftuħ disponibbli għat-tgawdija tat-turisti, residenti u familji. Iz-zona tippermetti li filwaqt li wieħed igawdi minn xeni naturali, jammira wkoll it-Torri ta’ Wignacourt, li l-bini tiegħu jmur lura għall-1610.
Il-promenade kien ingħata wiċċ ġdid fl-2010, iżda biż-żmien, il-materjal kellu bżonn ammont ta’ ħidma riparattiva. Huma diversi l-elementi li wasslu biex il-promenade ittiekel, fosthom ix-xemx kostanti, l-ilma baħar u anke fatturi oħra, bħall-preżenza ta’ ħamiem fl-akwata. L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) intervjeniet, biex issa t-800 metru ta’ promenade jinsab fi stat tajjeb mill-ġdid. Sfida partikolari kienet tinsab fil-fatt li l-materjal li ntuża oriġinarjament biex issir il-promenade inbidel xi ftit fl-għamla tiegħu u ma kienx disponibbli eżatt kif kien fil-bidu. Għaldaqstant instab materjal simili ħafna u li permezz tiegħu iz-zona ħadet ir-ruh, kemm bħala dehra u kemm bħala aċċessibbilità. Tul din il-medda art wieħed isib anke bankijiet, li huma frekwentati ħafna.
L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qed taħseb biex eventwalment toħroġ sejħa għall-offerti, sabiex il-promenade tkompli tissebbaħ u tagħmel ġieh liz-zona li fiha tinsab.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MTA, is-sur Paul Bugeja, stqarr li l-MTA tħares lejn proġetti ta’ dan it-tip bħala mod kif il-prodott Malti jista’ jkompli jissaħħaħ u jitjieb. Żied jgħid li kunċetti bħall-aċċessibilità u l-estetika f’kull aspett tal-prodott Malti huma kruċjali biex l-esperjenza tat-turist f’pajjiżna tkun waħda tassew pożittiva.
Anness, tista’ tara kif kienet il-promenade, u fir-rirtatt ta’ fuq issib kif saret wara intervent mill-MTA.