B’referenza għal artikli li dehru f’xi sezzjonijiet tal-midja, fejn hemm imsemmi li studenta ta’ l-Erasmus ġiet ippreżentata b’kont ta’ elf u mitejn ewro mil-lukanda tal-kwarantina, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu fi stqarrija kkjarifikat li wara li ġie kkonfermat mal-imsemmija lukanda, l-istudenta, fil-fatt ma’ ġietx mitluba tħallas, iżda qed tħallas biss spejjeż relatati ma’ ikel u xorb.
L-istqarrija żiedet tgħid, li fil-fatt hija l-Awtorità nnifisha li se tħallas l-ispejjeż tal-akkommodazzjoni għal dawk li segwew il-proċeduri neċessarji sabiex jidħlu f’Malta.
Intqal kif dan anke qiegħed isir, f’konformità mal-Avviż Legali li kien inħareġ, fejn hemm stabbilit li dawk li jaslu f’pajjiżna, iżda ma’ jkunux segwew il-proċeduri neċessarji, jitpoġġew fi kwarantina preventiva, li jkollhom iħallsu għaliha huma.