L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) għal darb’oħra ġabret somma sabiħa sabiex tkun tista’ tipprovdi donazzjonijiet lil ħames organizazzjonijiet tal-karità lokali li kienu: Dar il-Kaptan, il-Fondazzjoni OASI, Pink October, Carer for Stray and Abandoned Felines (CSAF) u s-sala Fairyland fl-Isptar Mater Dei.
Il-fondi għal dan il-ġest inġabru mill-ħaddiema tal-MTA waqt attivitajiet varji li saru tul is-sena, bħal ‘dress down days’ u l-bejgħ ta’ insalati tal-frott, minbarra affarijiet oħra tal-ikel. Saret ukoll attività b’rabta ma’ Pink October, li magħtulha nġabru aktar donazzjonijiet. Dan minbarra lotteriji li permezz tagħhom komplew jiżdiedu l-fondi.
B’differenza għal snin preċedenti, din is-sena l-MTA għażlet li minflok għotjiet ta’ flus, tkellem lill-organizazzjonijiet tal-karità u tiskopri x’inhuma l-aktar affarijiet li għandhom bżonn, sabiex tkun tista tipprovdihom. L-affarijiet li ngħataw bħala donazzjoni jvarjaw minn ‘console’ tal-logħob għal oġġetti tal-ikel, bjankerija u ħwejjeġ, flimkien ma’ ‘vouchers’ tal-ikel u prodotti mediċinali. L-unika entità li ngħatat għajnuna fi flus kienet Pink October.
Is-Sur Paul Bugeja, Kap Eżekuttiv tal-Awtorità, qal li bħala organizazzjoni, l-MTA dejjem tara kif tista’ tgħin lil dawk li huma l-aktar fil-bżonn, u huwa ta’ sodisfazzjoni kbir li sena wara sena, tkun f’pożizzjoni li tgħin lil dawn l-entitajiet ikomplu joperaw u jwettqu l-ġid. Irringrazzja lill-Kumitat għall-Attivitajiet Soċjali fi ħdan fl-Awtorità talli jorganizza attivitajiet tul is-sena, flimkien mal-ħaddiema kollha li jikkollaboraw. Ikkonkluda billi ħeġġeġ lill-pubbliku jgħin lil dawn l-istituzzjonijiet tul is-sena kollha u mhux biss fi żmien il-festi.