Meta mqabbel mat-tielet kwart tas-sena 2023, is-settur turistiku f’pajjiżna għall-istess perjodu f’din is-sena kompla jikber b’mod sinifikanti.
Din l-informazzjoni ħarġet minn sondaġġ maħruġ minn Deloitte b’kollaborazzjoni mal-Malta Hotels and Restaurants Association, l-MHRA, fejn ġew innotati bosta ċifri li jkomplu jitfgħu dawl fuq l-impatt ekonomiku pożittiv li qed iħalli s-settur turistiku lejn pajjiżna.
Fil-fatt, is-sondaġġ wera li l-ammont ta’ turisti li waslu f’pajjiżna fit-tielet kwart ta’ din is-sena laħaq il-miljun u mitejn elf turist – żieda ta’ madwar mija u tmenin elf turist meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2023.
L-ammonti ta’ ljieli li t-turisti qattgħu f’pajjiżna wkoll żdiedu hekk kif qabeż dak tas-sena l-oħra b’aktar minn 871,000 lejl.
In-nefqa turistika laħqet is-somma ta’ €1,270 miljun, li hi 22% ogħla meta mqabbla mal-istess perjodu s-sena l-oħra.
Lukandi ta’ 4 jew 5 stilel raw żieda wkoll fl-okkupazzjoni tagħhom.
Matul id-diskors tiegħu, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo ħabbar li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-MTA, se tkun qed tiftaħ fergħa f’New York, l-Istat Uniti, sabiex pajjiżna jilħaq aktar turisti minn dan il-kontinent.
Il-President tal-MHRA, is-Sur Tony Zahra, enfasizza kemm hu importanti li pajjiżna jibqa’ għaddej fuq dan it-tragward turistiku li pajjiżna miexi lejh.