Jiem qabel mal-gżejjer Maltin jibdew jilqgħu lit-turisti minn diversi pajjiżi, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-MTA, għaddejja b’ħidma sfieqa sabiex tiżgura li kollox ikun organizzat dejjem b’konformità mal-protokolli u l-pariri tal-Awtoritajiet tas-Saħħa Maltin.
Waħda mill-inizjattivi li se tieħu l-MTA hija li se tiddentifika lukandi apposta li fihom se jilqgħu turisti li jirriżultaw fil-pożittiv għall-Covid-19 meta jaslu fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Dan intqal propju mill-Kap Eżekuttiv tal-MTA Johann Buttigieg, fejn f’kummenti ma’ ONE News spjega l-preparazzjonijiet kruċjali li għaddejjin bħalissa dwar dan.
Huwa fisser: “Qegħdin għaddejjin bi preparamenti għal dak li f’każijiet li jista’ jkun hemm, għaliex wieħed ma jistax jeskludi każijiet li jistgħu jiġu pożittivi ta’ Covid u allura hemm preparamenti u organizazzjoni sħiħa għal dak li għandu x’jaqsam ma’ kwarantina ta’ dawn in-nies, fejn ukoll qed nippreparaw Quarantine Hotel biex persuna tkun tista’ jingħata s-servizz kollu meħtieġ.”
Johann Buttigieg qal ukoll li l-istess preparazzjonijiet qed isiru għat-trasport tat-turisti.
Intant, il-Kap Eżekuttiv tal-MTA tenna kif bħalissa għaddejjin diskussjonijiet importanti mal-awtoritajiet tas-saħħa Maltin u dawk Ingliżi, sabiex fil-jiem li ġejjin ir-Renju Unit ipoġġi lil Malta fiż-żona l-ħadra.
Buttigieg sostna: “Ovvjament is-suq prinċipali huwa dak Ingliż u qed nistennew li l-Gvern Ingliż iħabbar fil-jiem li ġejjin li Malta tinbidel f’żona ħadra.”