L-MSPCA kellu joħroġ għonqu għal kelb li tħalla għal riħu jiġri fit-toroq ta’ Ħal Tarxien u l-Fgura jfendi waħdu fil-maltemp.
Dan hekk kif minkejja d-diversi messaġġi li tpoġġew fuq il-midja soċjali li kien hemm kelb abbandunat jiġri qalb it-traffiku, hu tħalla proprju hemm.
Ġara li l-manager għad-drittijiet tal-annimali fi ħdan l-MSPCA, Althea Galea, għażlet li tmur minn jeddha u ssalva lil dan il-kelb minn kundizzjonijiet koroh li tħalla fihom biex b’hekk jingħata d-dinjità li ħaqqu u minn hemm jibda l-proċess biex tinstablu familja li lesta ttih l-attenzjoni li ħaqqu.
F’messaġġ li tpoġġa fuq il-midja soċjali, l-MSPCA spjega kif qed jaffaċċjaw għadd ta’ każijiet simili fejn dak li jkun qed jabbanduna lill-kelb tiegħu fuq barra mingħajr ma titħalla ebda tip ta’ traċċa ta’ min kien.
Għalekk huma qed jappellaw biex tinbidel il-liġi fejn kull annimal li jingħata lil xi ħadd, li jiġi adottat jew li jinxtara għandu bil-liġi jkun ċċippjat qabel jingħata għand is-sid il-ġdid u b’hekk jiġu evitati ħafna problemi fejn dak li jkun jagħżel mod alternattiv meta jiġi biex ineħħi lill-kelb tiegħu jekk ma jkunx għadu jista’ jżommu.