Il-poplu jibqa’ fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet politiċi fl-Unjoni Ewropea. Dan kien il-messaġġ ċar tal-Membru Parlamentari Ewropew Laburista, Thomas Bajada, li f’isem il-grupp Soċjalista fil-Kumitat Ekonomiku, assigura li l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-pjan finanzjarju li jmiss tal-UE – il-Qafas Finanzjarju Multiannwali li mistenni jiġi propost f’Lulju li ġej – jipproteġi l-investiment soċjali u ambjentali f’isem iċ-ċittadini.
Ir-rapport, li ġie nnegozjat minn Thomas Bajada fost Membri Parlamentari oħrajn minn kumitati differenti, u li se jkun ivvutat fil-plenarja fil-bidu ta’ Mejju, iwissi b’mod ċar li l-finanzjament għall-qasam tad-difiża ma jistax isir għad-detriment tal-ħtiġijiet soċjali, tal-ambjent u tas-servizzi pubbliċi Ewropej. “L-UE għandha toħloq baġit għal niesha,” sostna Bajada. “Baġit li jwieġeb għar-realtajiet lokali, u li jibni ġustizzja soċjali, tkabbir ekonomiku u koeżjoni territorjali.”
F’perjodu fejn qed jiżdiedu l-pressjonijiet biex fondi pubbliċi jiġu mgħoddija għall-ispejjeż militari, u l-impatti ekonomiċi possibli minħabba s-sitwazzjoni geo-politika fis-suq globali, Bajada rnexxielu jiddefendi impenn ċar mill-Parlament li l-investiment fis-sigurtà u d-difiża għandu jsir b’rispett sħiħ lejn l-impenji ta’ newtralità ta’ Stati Membri individwali, u mingħajr ma jħalli lil ħadd lura.
“Fil-politika, trid dejjem iżżomm quddiem għajnejk lil min qiegħed isservi bħala politiku – lin-nies,” insista Bajada. “Għalhekk mhux aċċettabbli li l-prijoritajiet jitmexxew b’mod li jinqata’ l-għajnuna soċjali, jew jonqsu l-investimenti favur l-ambjent, is-saħħa u l-benesseri tal-komunitajiet tagħna.”
Il-passi li jmiss se jkunu d-diskussjoni u l-votazzjoni ta’ dan ir-rapport fil-plenarja tal-Parlament Ewropew li tibda fis-5 ta’ Mejju. Thomas Bajada diġà wiegħed li se jkompli jiġġieled biex il-vuċi taċ-ċittadini tibqa’ tiġi protetta fil-qalba tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet Ewropej.
Silta mir-rapport: “stresses that defence spending cannot come at the expense of social and environmental spending nor can it lead to a reduction in funding for long-standing Union policies that have proved their worth over time.”