Hija u titkellem fis-sessjoni tal-plenaria fi Strasburgu, l-MPE Marlene Mizzi sejħet għal strateġija aktar trasparenti fl-interess taċ-ċittadin, tal-entitajiet privati u dawk tal-Gvern.
Fl-indirizz tagħha, Mizzi argumentat favur Pakkett Strateġiku għall-Akkwist Pubbliku li jipprovdi pjan lill-istati membri li huwa konformi mal-progress diġitali tal-lum il-ġurnata. Hija ħeġġet lil dawk li għandhom interess dirett fuq livell nazzjonali kif ukoll Ewropej biex jaċċettaw dan il-pakkett li ġie ppreżentat. “Dan huwa pakkett strateġiku li huwa aktar aċċessibbli għaċ-ċittadin u l–entitajiet privati u pubbliċi. Fuq kollox ikompli jżid it-trasparenza fuq dawn iil-kwistjonijiet,” qalet Mizzi.
Dan ir-rapport jikkumplimenta x-xogħol fuq il-Portal Diġitali Uniku li huwa abbozz li ġie ffirmat matul din il-ġimgħa mill-President tal-Parlament Ewropew, Antonio Tajani, flimkien mal-Presidenza Awstrijaka f’isem il-Kunsill – leġiżlazzjoni li ġiet innegozjata minn Marlene Mizzi. L-Istrateġija dwar l-Akkwist Pubbliku tikkumplimenta l-leġiżlazzjoni għax hija tisħaq dwar il-bżonn li l-Unjoni Ewropea tkompli tnaqqas il-proċessi burokratiċi la darba ħafna mix-xogħol amministrattiv jista’ jsir online u jkun disponibbli għal kull ċittadin interessat.
Il-Partit Laburista nnota li l-MPE Mizzi saħqet ukoll dwar il-bżonn li l-istati membri jiġu konformi u jimplimentaw dawn id-direttivi. “Strateġija fuq l-akkwist pubbliku huwa pass li nistgħu niftaħru bih bħala Unjoni Ewropea. Dan il-pass ikompli jżomm l-istandards li bihom nistgħu nagħmlu l-affarijiet aktar konkreti. Id-dinja llum il-ġurnata qed ngħixu f’dinja diġitali u sistema ta’ e-procurement hija pass pożittiv ‘il quddiem.”
Marlene Mizzi kkonkludiet billi qalet li “Malta kienet ta’ eżempju f’dan il-qasam għall-kuntrarju ta’ stati membri oħra li għad iridu jimplimentaw direttivi tal-UE fuq l-akkwist pubbliku. B’hekk nappella lil l-istati membri l-oħrajn biex jimplimentaw u jagħtu l-appoġġ tagħhom lil proposti simili li huma fl-interess taċ-ċittadin u tat-trasparenza.” L-istrateġija proposta ġiet ivvutata b’maġġoranza assoluta fis-sezzjoni tal-plenarja.