L-Ewroparlamentari Laburista Josianne Cutajar organizzat avveniment b’kollaborazzjoni mal-EU Travel Tech fil-Parlament Ewropew dwar il-kirjiet ta’ residenzi għal żmien qasir.
Waqt din l-attività tkellmet dwar kif ir-regolament Ewropew dwar l-STR se jkun l-ewwel pass kruċjali lejn mudell ta’ turiżmu aktar sostenibbli.
Cutajar, li kienet in-negozjatriċi ewlenija għall-pożizzjoni tal-Kumitat tat-Trasport u t-Turiżmu, qalet li l-leġiżlazzjoni b’rabta ma’ dawn il-kirjiet għandha tipprovdi ċertezza legali u serħan il-moħħ għal dawk kollha involuti.
Saħqet il-bżonn li l-Unjoni Ewropea tintervjeni biss fejn verament tista’ żżid il-valur, filwaqt li tieħu wkoll kunsiderazzjoni tal-karatteristiċi uniċi ta’ kull pajjiż u reġjun.
Dan filwaqt li enfasizzat l-importanza li l-awtoritajiet lokali jifhmu d-dinamika tas-suq li qiegħed ikompli jevolvi.