Wara dibattitu li ħadet sehem fih il-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar, fuq il-bżonn ta’ strateġija globali aktar b’saħħitha fil-qasam tar-riċkerka u l-innovazzjoni, il-Membri Parlamentari Ewropej ivvutaw favur din l-istrateġija fi plenarja fi Strasburgu.
Il-Membru Parlamentari Ewropew Cutajar kienet in-negozjatriċi tal-grupp tas-Soċjalisti fil-Kumitat ITRE, il-Kumitat illi fih ġiet innegozjata l-mistoqsija orali lill-Kummissjoni Ewropea b’riżoluzzjoni fir-rigward.
Il-libertà akkademika u l-promozzjoni tagħha kienu fiċ-ċentru ta’ din id-diskussjoni, bir-riżoluzzjoni mressqa tifrex fuq skopijiet aktar wiesa’ bil-għan li l-Unjoni Ewropea tattira aktar riċerkaturi u talent lejha.
Josianne Cutajar qalet li hemm bżonn aktar ħidma biex l-Ewropa tasal issir punt ta’ referenza fejn tidħol ir-riċerka.
Aktar minn hekk, Cutajar saħqet li hemm bżonn viżjoni fit-tul li permezz tagħha l-Ewropa, mhux biss tikseb awtonomija strateġika, imma wkoll issaħħaħ il-ħidma diretta fuq l-isfidi globali li qegħdin naffaċċjaw.
Dr Cutajar saħqet li hemm bżonn ta’ aktar kollaborazzjoni ma’ komunitajiet xjentifiċi ġejjin minn pajjiżi sħab tagħna u kontro-partijiet oħra biex is-sistema Ewropea tar-riċerka u l-iżvilupp tkun imsaħħa.
Cutajar temmet tgħid li ser tibqa’ timbotta biex tiġi żviluppata aġenda ambizzjuża fir-rigward tad-diplomazija tax-xjenza.