L-Ewroparlamentari Laburista Josianne Cutajar ħadet sehem fl-avveniment magħruf tal-World Travel Market ġewwa Londra.
Bħala membru tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu tal-Parlament Ewropew, il-preżenza ta’ Cutajar f’dan l-avveniment enfasizzat it-twemmin tagħha fl-importanza ta’ konnettività u vjaġġar kemm jista’ jkun mingħajr xkiel wara l-Brexit u t-terminazzjoni konsegwenti tal-moviment ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit.
Bħala kelliema ewlenija f’diskussjoni b’rabta ma’ dan is-suġġett, il-MPE Cutajar iddikjarat li r-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea jistgħu jindirizzaw l-isfidi ta’ Brexit permezz ta’ arranġamenti b’saħħithom u ta’ benefiċċju reċiproku.
Il-MPE enfasizzat li l-qasam tal-ivvjaġġar bejn l-UE u r-Renju Unit wara l-Brexit ma jistax sempliċement jiġi definit mill-Brexit iżda jrid iqis ukoll l-isfidi globali ta’ wara l-pandemija, l-effetti tal-klima, kif ukoll realtà ġeopolitika aktar volatili li twassal għal livell ogħla ta’ theddid kemm b’mod fiżiku kif ukoll fis-‘cyberspace’.
Josianne Cutajar enfasizzat ukoll l-importanza tal-implimentazzjoni effettiva tal-iskemi l-ġodda ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar Ewropej (ETIAS) u Brittaniċi (ETA), bl-għan li tiġi żgurata soluzzjoni rapida u sigura li toffri serħan il-moħħ.
Hija wissiet dwar ir-riskji ta’ scams u l-importanza li jiżdied l-għarfien u l-kampanji konġunti kontra l-miżinformazzjoni dwar dawn l-iskemi.
“L-importanza li nikkollaboraw flimkien, bħala Unjoni Ewropea u anke l-Ingilterra biex wara Brexit niffaċilitaw l-ivvjaġġar. Nafu li Brexit ġab miegħu diversi regoli ġodda li ħolqu ċertu sfidi imma wkoll sfidi relatati mas-sostenibilità u kif se nużaw il-qasam teknoloġiku diġitali.”
Josianne Cutajar – Ewroparlamentari Laburista
Waqt iż-żjara tagħha, Dr Cutajar żaret ukoll l-istands tal-esibituri differenti, inkluż l-istand ta’ VisitMalta, kif ukoll ta’ atturi ewlenin fl-industrija.