“Peress li wasalt ftit kmieni, poġġejt biex nisma l-panels ta’ qabli u bla ma ridt tbissimt, għax ħlief kliem ta’ tifħir, u referenzi għas-suċċess ta’ Malta ma ssemmewx. Kulħadd kelma waħda: Malta għandha l-aqwa mudell”, qal il-MPE Cyrus Engerer fi tmiem ta’ Konferenza Ewropea dwar il-Kannabis organizzata fil-Belt ta’ Londra fir-Renju Unit.
Engerer kien l-uniku kelliem minn Malta matul il-konferenza u f’panel ma’ Membri oħra tal-Parlament Ewropew tkellem dwar kif Malta waslet biex ikollha dik li qed tkun deskritta f’din il-konferenza bħala l-aqwa liġi Ewropea li tirregolarizza dan il-qasam.
“Sa mill-ewwel ġurnata ta’ Gvern Laburista bdejna nirriformaw il-pajjiż b’mod progressiv favur il-libertajiet tal-bniedem f’qafas ta’ ħarsien għad-drittijiet fundamentali ta’ kulħadd”, qal Engerer meta spjega dak li għamlet Malta. Hu saħaq li l-għan aħħari kien li l-ebda persuna ma tintbgħat il-ħabs minħabba l-użu tagħha, bl-istess mod li ħadd ma jmur il-ħabs minħabba l-użu tal-alkoħol, anke eċċessiv, li għandu impatt iktar negattiv fuq is-saħħa tal-bniedem.
“Għandna l-aqwa liġi għaliex filwaqt li kull min irid jista’ jagħmel użu, l-ebda kumpanija kbira tal-farmaċewtika jew kumpaniji kbar oħra, li jħarsu biss lejn il-profitt, ma jistgħu jbiegħu l-kannabis f’pajjiżna. Il-liġi tagħna tieħu approċċ li huwa bbażżat fuq ix-xjenza u fuq id-drittijiet u l-libertajiet tal-bniedem”, spjega Engerer.
Il-MPE Engerer spjega kif għal diversi xhur kien qiegħed jiġi kkonsultat minn numru ta’ leġislaturi mill-Ġermanja dwar kif titħaddem is-sistema Maltija, li wasslet biex ftit ġimgħat ilu l-Gvern Ġermaniż ippropona l-mudell Malti f’liġi ġdida fil-Ġermanja li se tillegalizza għall-użu personali bbażżata fuq il-mudell Malti.
“Din mhux l-ewwel darba li l-ikbar pajjiż fl-Ewropa kkonsultana biex ħareġ b’liġi simili bħal tagħna l-Maltin, l-iżgħar pajjiż fl-Unjoni Ewropea. Niftakar meta daħħalna l-liġi dwar it-twaqqif ta’ prattiċi ta’ konverżjoni, fejn għamilt numru ta’ ġimgħat nirrispondi mistoqsijiet minn politiċi Ġermaniżi, wasslu biex il-Ġermanja tkun it-tieni pajjiż Ewropew, wara Malta, li tagħmel dan il-pass. Din kienet l-istess storja dwar il-liġi dwar l-identità tal-ġeneru u l-liġi dwar persuni intersex li issa qed jiġu anke proposti fil-Parlament Ewropew”, qal Engerer.
Hu kkonkluda billi spjega li s-suċċess tal-Partit Laburista fil-Gvern hu li kontinwament jisma’ lin-nies, jilqa’ l-kritika u s-suġġerimenti li jwasslu biex minn żmien għal żmien liġijiet groundbreaking li jkunu ddaħħlu, jiġu emendati biex dawn saħansitra jissaħħu. “Nemmen li dan għandu jiġri wkoll fuq il-liġi dwar il-kannabis issa li anke nistgħu naraw il-mod ta’ kif qed titħaddem u r-realtajiet tas-soċjeta’ tagħna”, ikkonkluda Engerer.