Il-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Cyrus Engerer qiegħed jagħmel sejħa bit-tema ta’ “Walk with a Progressive” lil żgħażagħ u adulti progressivi b’opportunitajiet għal diskussjonijiet fost iż-żgħażagħ fil-Parlament Ewropew u traineeships ta’ 4 xhur imħallssa fl-uffiċju tiegħu fi Brussell u Strasburgu, kif ukoll ġimgħa job shadowing u mentoring fil-Parlament Ewropew bħala parti mit-tim tal-uffiċju tiegħu fi Brussell.
Engerer stqarr li jrid jagħti opportunità lil dawk kollha b’opinjonijiet b’saħħithom dwar il-ġejjieni biex mhux biss issemgħu leħinhom imma jkunu parti mit-tfassil tal-politika Ewropea matul dawn it-tlett snin li baqa’ ta’ din il-leġislatura.
L-ewwel sejħa hi għal għaxar żgħażagħ biex jipparteċipaw f’diskussjoni fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea ix-xahar id-dieħel.
Il-Membru Parlamentari Ewropew Laburista saħaq li, “sew jekk għandek qalbek marbuta mal-ambjent, il-libertajiet ċivili, is-saħħa sesswali u riproduttiva, s-saħħa mentali, jew kwalunkwe suġġett ieħor, irrid nisma’ minn għandek u rridek tkun involut biex inbiddlu l-Unjoni Ewropes flimkien.”
Hu rrimarka li fiż-żogħżija tiegħu kien ta’ spiss jitkellem dwar temi li kienu radikali wisq għall-għaqdiet li kien jgħamel parti minnhom u ta’ spiss instabbtulu l-bibien f’wiċċu u ingħata l-parir biex fuq ċerti temi aħjar ma jitkellimx.
Engerer sostna li l-bieb tiegħu hu miftuħ għal kull min għandu ħolma għal soċjetà aħjar.
Hu temm jgħid li l-ħsieb ħieles u mħuħ indipendenti rridu ninkoraġġuhom u jħares ‘il quddiem biex jaħdem id f’id ma’ bosta żgħażagħ progressivi li ma jiddejjqu xejn jgħidu li jħarsu lejn l-affarijiet b’mod differenti.
Dawk li jridu jsemmgħhu leħinhom fi Strasburgu x-xahar id-dieħel huma mistiedna jibgħatu email bil-motivazzjoni tagħhom fuq change@cyrusengerer.com sas-27 ta’ Settembru.