“Qiegħed hawn b’messaġġ ta’ tama mill-Parlament Ewropew”, qal il-MPE Laburista Cyrus Engerer waqt id-diskorsi uffiċċjali fl-eqqel tal-Milano Pride 2023 li rat folla ta’ ‘l fuq minn 300,000 persuna fit-toroq ta’ Milan.
“Qiegħed hawn biex nagħti tama lill-Milan, lill-Italja għaliex inthom id-definizzjoni ta’ x’inhu kuraġġ. Ksibtu ħafna matul is-snin u konvint li se jirnexxilkom tissuperaw dan iż-żmien diffiċli għall-ugwaljanza fl-Italja”, saħaq Engerer, filwaqt li kompla li “l-Italja hi d-definizzjoni ta’ xi tfisser l-Ewropa. L-Ewropa tal-ugwaljanza. L-Ewropa tas-Solidarjetà u l-Ewropa ta’ mħabba. Aħna, l-Parlament Ewropew, se nkunu magħkom f’din il-ġlieda għall-ugwaljanza”.
Fid-diskors tiegħu Engerer għamel referenza għad-diversi deċiżjonijieg kontra l-ugwaljanza li l-Gvern ġdid Taljan u l-alleati tiegħu qegħdin jieħdu kontra persuni LGBTIQ, fejn fost l-oħrajn qiegħed jitneħħa ġenitur mid-dokumenti uffiċċjali meta t-tfal ikollhom ġenituri tal-istess sess.
“Il-Parlament Ewropew qiegħed magħkom”, Engerer qal lil dawn it-tfal u lill-ġenituri tagħhom.
Hu saħaq li l-Prim Ministru Meloni qed tgħid li se tirrikonnoxxi biss l-imsejjħa familji tradizjonali, “iżda aħna qegħdin hawn ukoll f’Milan, madwar l-Italja u mhux se ġġiegħlna nerġaw ninħbew”, qal Engerer, li saħaq li “l-imħabba se tirbaħ fuq il-mibgħeda tiegħek, l-imħabba se tirbaħ fuq il-preġudizzju tiegħek, għaliex l-imħabba tirbaħ dejjem”, b’referenza għad-deċiżjonijiet kontra l-ugwaljanza meħuda mill-Gvern Taljan.
Waqt id-diskors tiegħu Engerer għamel referenza għal Malta u qal li kif Malta, pajjiż Kattoliku, għamlet l-ikbar avvanzi fid-dinja għall-persuni LGBTIQ, l-Italja tista’ tasal ukoll. Fl-istess ħin stieden lil dawk kollha preżenti f’Malta għall-Europride 2023 f’Settembru li ġej.