Fil-Parlament Ewropew, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Laburista, Alfred Sant ivvota favur riżoluzzjoni li sejħet għall-użu tal-Faċilità ta’ Rkupru u Reżiljenzabħala l-għodda ewlenija ta’ finanzjament għall-pjan REPowerEU tal-Kummissjoni Ewropea.
Dan intqal fi stqarrija mill-Membru Parlamentari Ewropew, Alfred Sant, hekk kif huwa rrikonoxxa li din hija proposta f’waqtha, li teħtieġ konklużjoni urġenti.
Fl-istqarrija ntqal li Alfred Sant esprima riżervi dwar il-piżijiet żejda li dan jista’ joħloq fuq l-amministrazzjonijiet nazzjonali.
Sant spjega li ġie rappurtat li Spanja, l-ewwel pajjiż li applika għal finanzjament mill-RRF qed jesperjenza problemi konsiderevoli biex jamministra. Hawnhekk, huwa staqsa jekk ikunx għaqli li jiżdied il-piż fuq l-amministrazzjonijiet nazzjonali.
Intqal li l-gwerra fl-Ukrajna ħarġet aktar fid-deher id-dipendenza żejda tal-Ewropa fuq l-importazzjonijiet tal-gass, iż-żejt u l-faħam mir-Russja.
Kien għalhekk li f’Mejju li għadda, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-pjan REPowerEU. Filwaqt li dan il-pjan jibni fuq il-pakkett Fit for 55, REPowerEU huwa dwar it-tnaqqis rapidu tad-dipendenza tal-Ewropa fuq il-fjuwils fossili Russi.
F’din l-istqarrija ntqal li Sant issuġġerixxa li l-piżijiet amministrattivi u proċedurali għandhom jitnaqqsu kemm jista’ jkun sabiex jitħaffef il-proċess ta’ attivazzjoni.
Dr Sant sostna li m’għandhomx jiġu inklużi proċessi li diġà saru fil-kuntest tal-pjanijiet nazzjonali ta’ rkupru u reżiljenza.
L-Ewroparlamentari Laburista qabel mal-approċċ li jiffavorixxi proġetti bejn pajjiżi differenti fl-Ewropa kontinentali u enfasizza li din tal-aħħar m’għandhiex tpoġġi r-reġjuni insulari fi żvantaġġ għax dan joħloq diffikultajiet biex jinstabu l-kundizzjonijiet it-tajba biex iniedu proġetti bejn pajjiżi differenti f’dan il-qasam.
Ir-riżoluzzjoni ġiet adottata b’471 vot favur, 90 kontra u 53 astensjoni.