Ir-rivista The Parliament Magazine innominat lill-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Alex Agius Saliba għall-premju ‘Youth Champion of the Mandate’, għax-xogħol siewi li wettaq matul dawn l-aħħar ħames snin biex itejjeb il-qagħda taż-żgħażagħ.
Din is-sena, Agius Saliba kien l-uniku Membru Parlamentari Ewropew Malti nnominat għall-premju u sar l-uniku wieħed li wkoll ġie nnominat f’kull waħda mill-erba’ edizzjonijiet fil-leġiżlatura.
Fl-età ta’ 36 sena, Agius Saliba ġie elett bħala Viċi-President tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fl-ewwel leġiżlatura tiegħu, waqt li ġie inkluż fil-lista ta’ Politico għall-iżjed deputati li għandhom jiġu segwiti.
L-Ewroparlamentari Malti hu magħruf l-iżjed għall-kampanja tiegħu biex jiġi adottat ċarġer wieħed għall-istrumenti diġitali kollha, minkejja l-oppożizzjoni ta’ ġganti fis-suq, fosthom il-kumpanija Apple.
Fil-ġimgħat li għaddew, ix-xogħol ta’ Agius Saliba f’kampanja oħra biex jiġu mtejba id-drittijiet tal-ħaddiema ħalliet ukoll il-frott tagħha, hekk kif il-Kummissjoni Ewropea rrikonoxxietu billi bdiet il-proċess biex timplimenta l-proposta permezz ta’ direttiva dwar l-hekk imsejjaħ ‘Right to Disconnect’.
Din se tiżgura li l-ħaddiema jkunu jistgħu jirrifjutaw li jwieġbu messaġġi u telefonati relatati max-xogħol fil-ħin liberu tagħhom mingħajr il-biża’ li jsofru xi riperkussjonijiet, bħal diskriminazzjoni jew konsegwenzi oħrajn negattivi.
L-Ewroparlamentari Malti wera l-apprezzament għal din in-nomina u qal li jħares ’il quddiem għal-leġiżlatura li ġejja għal iżjed ħidma fl-aħjar interess tal-konsumaturi Maltin, tal-vulnerabbli u tal-klassi tal-ħaddiema.
“Huwa ta’ sodisfazzjon kbira ħafna li The Parliament Magazine, għar-raba’ sena konsekuttiva, innominani għall-MEP Awards bħala wieħed mill-aqwa Ewroparlamentari ta’ din il-leġiżlatura fil-kategorija ta’ Youth Champion of the Mandate. Dan l-award ikompli jimlini b’aktar kuraġġ biex inkompli nagħmel dak kollu li nista’ biex nirrappreżentakom bl-aqwa mod possibbli hawnhekk fil-Parlament Ewropew.”
Sadanittant f’kumment fuq il-midja soċjali, il-Prim Ministru Robert Abela wkoll qal li mhuwiex sorpriż bin-nomina ta’ Alex Agius Saliba għall-unur tal-‘Youth Champion of the Mandate’, meħud kont li d-dedikazzjoni persistenti tiegħu lejn il-poplu Malti u l-pajjiż huma ta’ min ifaħħarhom.
It comes as no surprise that @alexagiussaliba has been nominated for the 'Youth Champion of the Mandate' award. Your persistent dedication to the Maltese people and unwavering commitment to our nation's well-being are truly commendable. – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) February 7, 2024