L-MPE Alex Agius Saliba qiegħed jagħmel pressjoni fuq il-Kummissjoni Ewropea sabiex tgħin lis-sajjieda Maltin matul l-istaġun tal-lampuki u twaqqaf il-prattiċi tas-sajd illegali tal-bastimenti tas-sajd Tuneżini.
L-MPE tal-Partit Laburista talab lill-Kummissjoni biex tinvestiga u tkisser il-mudell intimidanti u diżonest tas-sajd Tuneżin, inkluż l-isfruttament illeġittimu tat-tagħmir tas-sajd tas-sajjieda Maltin.
Huwa talab ukoll lill-Kummissjoni Ewropea biex tagħmel pressjoni fuq l-awtoritajiet Tuneżini permezz tan-negozjati kummerċjali attwali jew l-istrumenti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni Ewropea, billi l-għajnuna finanzjarja lit-Tuneżija kienet żdiedet sostanzjalment matul is-snin.
“Matul l-istaġun tal-lampuki, is-sajjieda Maltin u Għawdxin qed jirrappurtaw kontinwament, problemi rikorrenti u sistematiċi. Id-dgħajjes Tuneżini qegħdin jisirqu qabdiet tal-lampuki minn dgħajjes Maltin, u qed jeqirdulhom għadd ta’ sufruni u linji tal-baħar. Qed jużaw tattiċi eċċessivi biex iwaqqfu s-sajjieda Maltin milli jaċċessaw it-tagħmir tagħhom,” qal il-MPE Agius Saliba.
Huwa żied jgħid li “l-ħajja għas-sajjieda tal-lampuki Maltin u Għawdxin hija diġà iebsa, speċjalment minħabba l-kompetizzjoni mis-sajjieda Taljani, Spanjoli, Griegi u Tuneżini li kull ma jmur qiegħda dejjem tikber. Imma issa barra minn hekk qegħdin ukoll jgħixu fil-biża’ u għandhom ħajjithom u l-għajxien tagħhom mhedda minħabba dgħajjes Tuneżini li qed jaħsdulhom il-qabdiet tagħhom.”
Agius Saliba żied jgħid li l-isfruttament u l-prattiċi llegali fuq sajjieda Maltin u Għawdxin mhumiex xi ħaġa ġdida u għandhom jieqfu immedjatament. “Minħabba li dawn l-inċidenti ġraw fl-ibħra internazzjonali, jeħtieġ li nagħmlu pressjoni fuq l-awtoritajiet Tuneżini fil-livell Ewropew. Il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi meħtieġa u twaqqaf dawn l-inċidenti.”
“Huwa għalhekk li f’isem s-sajjieda Maltin u Għawdxin tlabt lill-Kummissjoni Ewropea biex tintervjeni sabiex dawn il-prattiċi illegali jiġu evitati,” qal l-Membru Parlamentari Ewropew Agius Saliba.