“In-nuqqas ta’ “drittijiet solari” li jipproteġu lis-sidien tal-pannelli fotovoltajċi u tal-ħiters tal-ilma solari fuq il-bjut huwa ostakolu kbir għall-użu mifrux ta’ din it-teknoloġija u għall-effiċjenza tas-sistemi tal-enerġija solari fil-pajjiżi tal-UE. Jekk irridu nilħqu l-miri tal-enerġija rinnovabbli għall-2020, għandna nipprovdu inċentivi biex in-nies jinvestu fis-sistemi tal-enerġija solari u biex niggarantulhom aċċess għad-drittijiet solari,” qal il-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba.
Il-Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Laburista Alex Agius Saliba għamel pressjoni fuq il-Kummissjoni Ewropea biex ikun hemm sforz kollettiv sabiex jingħata aċċess għad-drittijiet solari u ċittadini li jinvestu fil-pannelli solari jkunu protetti. F’mistoqsija parlamentari lill-Kummissjoni Ewropea, Agius Saliba talab lill-Kummissjoni biex tipproteġi l-investimenti privati u d-drittijiet solari ta’ ċittadini tal-UE sabiex tkompli tippromwovi l-użu aktar mifrux ta’ sistemi ta’ enerġija solari.
“Illum in-nies huma aktar konxji u qed ifittxu li jagħmlu l-aħjar għażliet fl-interess tal-ambjent, u għalhekk jagħżlu li jinvestu f’sorsi ta’ enerġija rinovabbli. Iċ-ċittadini Ewropej jagħmlu l-għażla t-tajba u hekk ukoll għandna nagħmlu aħna bħala Unjoni Ewropea u bħala politikanti. Jeħtieġ li nipproteġu lin-nies u niżguraw li l-investimenti tagħhom fil-pannelli solari ma jiġux affettwati b’mod negattiv, permezz ta’ dellijiet ta’ bini twil fil-qrib jew ta’ xi restrizzjonijiet oħra marbuta mal-bini.”
Huwa spjega kif bħalissa, hemm distakk sinifikanti fil-livelli Ewropej u nazzjonali, fejn jidħlu r-regoli dwar “id-drittijiet solari” li jipproteġu s-sidien tal-pannelli fotovoltajċi. Huwa qal li sfortunatament, is-sidien tal-pannelli fotovoltajċi u l-ħiters tal-ilma solari dejjem qed jiffaċċjaw aktar problemi minn żvilupp urban ta’ kull xorta, li joħloq dellijiet eċċessivi u b’konsegwenza t’hekk inaqqas l-effiċjenza u l-effettività tal-investimenti solari tagħhom. Agius Saliba nnota wkoll li l-Pjanijiet Lokali kontroversjali li ġew adottati fl-2006 taħt amministrazzjoni preċedenti huma s-sors ewlieni ta’ problemi ta’ din ix-xorta li qegħdin isibu ma’ wiċċhom diversi ċittadini Maltin.
Il-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba temm jgħid hekk: “In-nuqqas ta’ protezzjoni xierqa tal-investimenti privati u tas-sidien tal-pannelli solari jaffettwa l-potenzjal u l-avvanz eżistenti ta’ sorsi tal-enerġija solari, u għalhekk ma narax għalfejn m’għandniex nissalvagwardjaw id-drittijiet tan-nies. Huwa għalhekk li qed nagħamel pressjoni fuq il-Kummissjoni Ewropea biex niggarantixxu li ċ-ċittadini Ewropej ikollhom l-investimenti tagħhom protetti u li d-drittijiet solari jkunu disponibbli għal kulħadd.”