L-MPE Alex Agius Saliba irċieva l-unur ta’ ‘Rising Star of EU Politics’ fiċ-ċerimonja annwali mtellgħa minn the Parliament Magazine, rivista nfluwenti fil-politika Ewropea. Kull sena, The Parliament Magazine jiċċelebra x-xogħol siewi mwettaq mill-Membri tal-Parlament Ewropew u jagħti unuri li jirrikonoxxu l-kisbiet tagħhom. L-MPE Laburista kien l-uniku MPE Malti li ingħata unur f’din il-leġislatura.
L-MPE Alex Agius Saliba rebaħ l-unur ta’ ‘Rising Star of EU Politics’, kategorija ġdida mnedija fl-okkażjoni tal-għoxrin anniversarju tal-unuri. Din il-kategorija tidentifika MPEs li wettaqu xogħol importanti u wrew dedikazzjoni kbira matul l-ewwel leġislatura tagħhom. Dawn l-MPEs ġew definiti bħala ‘rising stars’ minħabba r-rwol influwenti li aktarx se jkollhom fil-Parlament il-ġdid li se jiġi ffurmat wara l-elezzjoni f’Ġunju li ġej. Wara ċ-ċerimonja, Agius Saliba kkummenta “Dan l-unur ikompli jimlini b’emerġija u determinazzjoni sabiex inkompli naħdem biex intejjeb il-kwalità tal-ħajja u l-kundizzjonijiet tax-xogħol taċ-ċittadini Ewropej, u speċjalment tal-Maltin u l-Għawdxin.”
Dan l-unur isegwi bosta unuri u nominazzjonijiet oħraj. Fl-istess ċerimonja, Agius Saliba kien innominat ukoll għall-unur ‘Youth Champion of the Mandate’, u huwa l-uniku MPE Malti nnominat fl-edizzjonijiet kollha f’din il-leġislatura. Huwa kien ġie nnominat għall-unuri fil-kategoriji tal-Internal Market and Consumer Protection (2020), Health and Wellbeing Award (2022), u Digital Strategy and the Single Market Award (2023). Riċentament ġie vvutat is-seba’ l-iżjed MPE żgħażugħ influwenti mill-pjattaforma ta’ riċerka eumatrix.eu.
Alex Agius Saliba, li se jerġa jkun kandidat f’isem il-Partit Laburista fl-elezzjoni f’Ġunju li ġej, huwa magħruf għal sensiela ta’ miżuri li daħħal fil-Parlament Ewropew matul l-ewwel leġislatura tiegħu. Il-kampanja tiegħu sabiex jiġi mdaħħal ċarger wieħed komuni għall-istrumenti diġitali żgħar ingħatat prominenza kbira, mhux l-inqas għaliex Agius Saliba kiseb dan is-suċċess minkejja l-oppożizzjoni ta’ kumpaniji kbar fis-settur, speċjalment Apple.
Kampanji oħra kienu xhieda tal-impenn ta’ Agius Saliba lejn il-ġustizzja soċjali. Dawn jinkludu l-leġislazzjoni li tiżgura li l-ħaddiema jkunu jistgħu jistrieħu b’mod adegwat u mingħajr xkiel wara l-ħin tax-xogħol, hekk imsejħa “Right to Disconnect” u inizjattivi oħra sabiex tiġi mtejba l-qagħda ta’ persuni fuq l-ispettru tal-awtiżmu, dawk li jbatu mill-fibromyalgia u mard rari, u kampanja sabiex titjib il-provvista tal-mediċini. Huwa ħadem ukoll sabiex jitjiebu d-drittijiet tal-konsumatur u l-protezzjoni tat-tfal waqt li jkunu qed jixtarru fuq l-internet.