Il-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Alex Agius Saliba ħabbar li se jkun qed jiltaqa’ ma’ uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea fis-7 ta’ Marzu li ġej.
Dan b’rabta ma’ petizzjoni li ressaq quddiem il-Kumitat tal-Petizzjonijiet fil-Parlament Ewropew favur talba għal investigazzjoni, li kien għamel, biex jiġu investigati monopolji f’pajjiżna li qed iwasslu għal żidiet fil-prezzijiet ta’ prodotti essenzjali bħall-ikel.
Agius Saliba ħabbar dan waqt li kien qed jipparteċipa f’dibattitu politiku fil-programm XTRA t-Tnejn filgħaxija mal-librar tal-Parlament Ewropew u kandidat Nazzjonalista Peter Agius.
Fil-fatt, Agius Saliba fil-bidu tal-programm ħabbar li se jkun qed jiltaqa’ ma’ uffiċjali li jaqgħu taħt it-tmexxija tal-Kummissarju Ewropew għall-Kompetizzjoni, Margrethe Vestager.
“Nista’ nħabbarha hawnhekk b’mod esklussiv li l-Kummissarju Vestager u l-kabinett tagħha, mhux jibgħatli imejl jew żewġ liners. Ħa jkun qed jiltaqa’ miegħi fis-7 ta’ Marzu li ġej biex nerġa’ nippreżenta wkoll is-sitwazzjoni li għandna fuq bażi lokali.”
Fil-fatt, dan l-iżvilupp wasal wara li, ftit tal-jiem ilu, Agius Saliba ressaq petizzjoni quddiem il-Kumitat tal-Petizzjonijiet fil-Parlament Ewropew dwar din il-materja.
Petizzjoni li, imbagħad, ippreżentaha quddiem il-Parlament Ewropew għan-nom tal-konsumaturi Maltin u li kisbet l-appoġġ tal-gruppi politiċi kollha, inkluż ukoll tal-Partit tal-Popolari li l-Partit Nazzjonalista jagħmel parti minnu.
Dan minkejja l-bsaten fir-roti li għamel f’pajjiżna l-istess Partit Nazzjonalista u l-esponenti tiegħu quddiem din it-talba mill-Membru Parlamentari Ewropew Laburista.
Dan kollu bil-għan aħħari biex il-konsumaturi Maltin jingħataw l-istess trattament tal-konsumaturi fi stati oħrajn Ewropej quddiem l-isfida tal-inflazzjoni u r-realtà ta’ pajjiżna bħala gżira u l-effetti tal-importazzjoni u d-distribuzzjoni fis-suq lokali.
Sadanittant, matul id-dibattitu, Agius Saliba stieden lil-librar tal-Parlament Ewropew biex jekk veru jinteressah minn din l-investigazzjoni jingħaqad miegħu f’din il-laqgħa importanti favur l-interessi tal-Maltin u l-Għawdxin.
Stedina li ntlaqgħet biss b’risposta arroganti minn Peter Agius.
Alex Agius Saliba – “Fis-7 ta’ Marzu li ġej għamel xi ħaġa ta’ ġid, ejja miegħi ħalli nsibu soluzzjoni.”
Peter Agius – “Jiena fis-7 ta’ Marzu nkun qed indur man-nies, ħabib, imbagħad ibgħatli x’ħa jkunu qalulek.”