Il-Qorti Kostituzzjonali mistennija tisma’ l-kawża kostizzjonali li fetaħ in-negozjant Yorgen Fenech kontra l-awtoritajiet biex l-Ispettur mill-Iskawdra tal-Omiċidji Keith Arnaud ma jibqax jinvestiga l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Tard il-Ħamis filgħaxija, Yorgen Fenech mar il-qorti biex jieħu ġurament b’rabta ma’ dan il-każ.
Aktar kmieni, il-Pulizija qalet fi stqarrija li l-Kap tal-Iskwadra tal-Omiċidji l-Ispettur Keith Arnaud m’għandux għax jitneħħa mill-investigazzjoni.
Il-Pulizija qalet li ma tirriżulta l-ebda bażi għax l-Ispettur Arnaud għandu jitneħħa minn din l-investigazzjoni. Xhieda ta’ dan huma r-riżultati li nkisbu s’issa.
L-Ispettur Arnaud ilu sa mill-bidu tal-każ imexxi din l-investigazzjoni, bl-assistenza tal-Europol li baqgħu u għadhom għaddejjin sal-ġurnata tal-lum, involuti attivament fl-investigazzjoni.
Il-Pulizija qalet li l-investigazzjoni ser tibqa’ għaddejja bla interruzzjonijiet, u qed tieħu daqshekk fit-tul minħabba n-natura u ċ-ċirkostanzi tal-każ.
Qalet li l-Pulizija qiegħda tiġbor kull xorta ta’ evidenza possibbli u tinvestiga kull allegazzjoni u d-diversi verzjonijiet mogħtija lill-Pulizija sabiex toħroġ il-verità.
Intant fl-istess stqarrija, il-pulizija spjegat li l-Maġistrat inkwirenti qiegħed jiġi kontinwament aġġornat bl-iżviluppi fil-każ.
Min-naħa l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Pulizija kkundannat lil dawk kollha li qegħdin jippruvaw b’kull mod ifixklu x-xoghol siewi li qed taghmel il Pulizija f’dawn il-mumenti tant sensittivi.
Fi stqarrija, l-MPA qalet li tal-inqas għandhom isiru l-verifiki qabel jixxandru fil-mezzi tax-xandir.
Hija ħeġġet lill-Ispettur Keith Arnaud, bniedem fi kliemha ta’ integrità kbira sabiex ikompli jmexxi din l-investigazzjoni li ssarrfet b’suċċess u dan kollu b’sagrifiċċju għalih u l-qraba tiegħu.