Il-Forum Marittimu Malti, l-MMF, sejjaħ bħala “suċċess” iż-żieda fl-ammont ta’ passiġġieri, li użaw is-servizz tal-ferries mill-Kottonera u Tas-Sliema lejn il-Belt Valletta, fix-xahar ta’ Frar, l-ewwel xahar sħiħ mindu dan is-servizz beda jingħata b’xejn lil min għandu t-Tallinja Card.
Dan intqal fi stqarrija mill-MMF, ġurnata wara li ONE News irrapporta kif ċifri mill-Ministeru għat-Trasport, għax-xahar li għadda, juru li hemm żieda ta’ aktar minn tnejn u erbgħin elf passiġġier, meta mqabbel ma’ Frar tas-sena l-oħra.
B’dan wassal biex fiż-żewġ traġitti fil-portijiet kien hemm kważi mija u għaxart elef passiġġier li użaw dan is-servizz fuq il-baħar flok ivvjaġġaw fuq l-art b’xi vettura.
F’din l-istqarrija ntqal li l-MMF ilha tipproponi biex it-trasport alternattiv jintuża bil-għan li jitnaqqsu l-vetturi u t-traffiku minn fuq l-art.
Il-Forum ippropona wkoll l-introduzzjoni ta’ servizz ta’ Ro-Ro biex ikun ittrasportat il-merkanzija bejn il-Port Ħieles u l-Port il-Kbir lejn il-Port tal-Imġarr f’Għawdex, flok merkanzija tiġi trasportata fuq l-art.
Intqal li, minkejja li għadu ma sarx studju dwar dan, l-MMF tinsab konvinta li dan is-servizz għandu jkun wieħed sostenibbli.