It-tim tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed jistenna li jilqa’ madwar 123,000 passiġġier bejn it-22 u l-31 ta’ Diċembru.
Waqt dan il-perjodu huwa mistenni li t-23 u t-30 tax-xahar ikunu l-aktar jiem impenjattivi għall-ajruport hekk kif bosta jibdew jivvjaġġjaw sabiex jingħaqdu mal-familji tagħhom għall-Milied u l-Ewwel tas-Sena.
Minbarra attivitajiet għall-persuni li ser ikunu qegħdin jivjaġġaw minn u lejn Malta, it-tim tal-ajruport ħejja kalendarju ta’ attivitajiet għal dawk kollu li ser iżuru l-ajruport mingħajr il-ħsieb li jsiefru. Matul dawn il-jiem tal-festi, kulħadd huwa mistieden iżur il-ħwienet u ristoranti tal-ajruport.
Apparti dan, fit-22 ta’ Diċembru jinbeda l-Christmas Kids’ Club tal-ajruport, li huwa programm ta’ 11-il ġurnata mimli attivitajiet b’xejn għat-tfal.
Persuni li ser jivvjaġġjaw tul dan il-perjodu huma avżati jkunu t-terminal tal-anqas sagħtejn qabel it-tluq skedat tat-titjira.