L-MIA tnaqqas l-emmissjonijiet CO2 b’169 tunnellata
It-tieni rapport dwar is-sostenibbiltà tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta juri li investiment ta’ aktar minn €300,000 fil-pannelli fotovoltajċi wassal lill-kumpanija sabiex iżżid il-ġenerazzjoni tagħha ta’ enerġija nadifa b’erba’ dabiet u b’hekk tirreġistra tnaqqis fl-emissjonijiet tad-CO2. Permezz tal-kumpilazzjoni ta’ dan ir-rapport, f’konformità mal-istandards tal-Global Reporting Initiative (GRI), l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jagħmel sforz sabiex jiddokumenta s-suċċessi u n-nuqqasijiet tiegħu f’sena partikolari, fir-rigward tal-pilastri ekonomiċi, ambjentali u soċjali tas-sostenibbiltà.
“Is-sena li għaddiet kienet waħda tassew importanti għalina, peress li lqajna 5 miljun passiġġier għall-ewwel darba, iżda dawn in-numri jġibu magħhom responsabbiltajiet miżjudin. Aħna nemmnu li l-inizjattivi li nwelldu bħala parti mill-Istrateġija dwar ir-Responsabbiltà Korporattiva tagħna, flimkien ma’ segwitu tagħhom permezz dan l-eżerċizzju ta’ rappurtar annwali jgħinuna nerfgħu dawn ir-responsabbiltajiet, filwaqt li nkomplu nqiegħdu l-valur tas-sostenibbiltà tal-kumpanija fil-prattika,” qal is-CEO tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta Alan Borg.
Is-Sur Borg kompla billi qal li l-kumpanija rnexxielha tnaqqas l-emissjonijiet tagħha tal-gassijiet b’effett ta’serra (greenhouse gases) b’10% fuq is-sena ta’ qabel, minkejja li mill-ajruport għaddew volumi akbar ta’ passiġġieri meta mqabbel mal-2015.
Fil-fatt, ir-rapport juri l-intensità tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, l-istabilizzazzjoni ta’ liema tista’ tikkontribwixxi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, kienet ta’ 1.86 kg ta’ CO2 għal kull passiġġier.
Kisbiet ambjentali oħrajn jinkludu żieda notevoli ta’ 28% fl-ammont ta’ enerġija nadifa ġġenerat, wara li lkumpanija investiet f’1,064 pannella fotovoltajka addizzjonali fl-2016.
L-effett ta’ dan l-investiment huwa mistenni li jiżdied proporzjonalment hekk kif l-installazzjoni, li ġiet ikkummissjonata f’Ottubru 2016, tidħol flewwel sena sħiħa ta’ attività fl-2017.
Din is-sistema fotovoltajka, flimkien ma’ investimenti ekoloġiċi oħrajn, wasslu għal tnaqqis ta’ 169 tunnellata ta’ CO2, li huma bejn wieħed u ieħor ekwivalenti għall-emissjonijiet tad-CO2 irrilaxxati minn 76 karozza f’sena.