L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta se jkun qed iniedi app diġitali li permezz tagħha t-turisti li jkunu ġejjin lejn pajjiżna jkunu jistgħu jissottomettu d-dokumentazzjoni tagħhom qabel jivvjaġġaw.
Dan tħabbar mill-Ajruport stess hekk kif spjega li b’hekk, din l-app diġitali se toffri aktar serħan il-moħħ fl-ivvjaġġar tat-turist.
Dwar dan ONE News żar l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fejn hemmhekk tkellem ma’ Michela Catania dwar din l-app, li tinsab fil-fażi ta’ implimentazzjoni.
Hija spjegat l-użu ewlieni ta’ din app fosthom għas-sottomissjoni ta’ dokumentazzjoni.
Qal, “Permezz ta’ din l-app dan il-proċess kollu jista’ jiġi diġitalizzat. Dan ifisser li passiġġieri qabel jitilqu mill-pajjiż ikunu jistgħu jimlew il-formoli online u kif ukoll itellgħu iċ-ċertifikati li għandhom bżonn bħall pereżempju ċ-ċertifikat tat-tilqim jew anke ċ-ċertifikat tat-test tal-Covid-19.”
B’hekk l-uffiċjali tas-saħħa jkunu jistgħu jivverifikaw dawn id-dokumenti b’mod virtwali u jiġi ġġenerat QR Code għall-passiġġieri li jrid jintwera biex jgħaddi mill-ajruport.
Sostniet ukoll kif din l-applikazzjoni se tgħin żżid l-effiċjenza tal-ajruport u anke l-kundfidenza fost il-passiġġieri sabiex jivvjaġġaw aktar.
Dan hekk kif il-pandemija għamlitha aktar kumplikata li wieħed jivvjaġġa.
Spjega, “Ħa jkunu jistgħu jgħaddu mill-Ajruport faċilment u l-esperjenza tagħhom ħa titħaffef u ħa tipprovdilhom ħafna iktar serħan il-moħħ.”
Intant fl-istqarrija li ħareġ, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kwotat lill-Kap Eżekuttiv Alan Borg jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu għar-rata ta’ vaċċinazzjoni b’saħħitha li għandu pajjiżna.
Qal kif din tagħti tama kbira għall-influss ta’ turisti fit-tieni nofs tas-sena.