L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed isegwi mill-qrib diskussjoni li għaddejja bħalissa fil-livell tal-Unjoni Ewropea dwar ir-rilassament tar-regoli dwar l-iskrining tal-likwidi fil-bagalji tal-idejn tal-passiġġieri u l-introduzzjoni ta’ teknoloġija ġdida ta’ skrining.
Filwaqt li rrimarkat li, sa issa, għadha ma ġietx stabbilita data sa meta trid tiddaħħal din it-teknoloġija l-ġdida, li tinvolvi investiment sostanzjali, kelliema għall-Ajruport qalet lil One News: “Bħala ajruport, aħna se nkomplu nsegwu mill-qrib x’inhu jingħad dwar dan sabiex, meta tittieħed deċiżjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea, inkunu preparati sabiex nagħmlu l-investiment meħtieġ.”
Bħalissa, il-limitu ta’ kemm passiġġier jista’ jġorr likwidi fil-bagalja tal-idejn huwa ta’ kontenituri b’kapaċità ta’ mhux aktar minn 100ml l-wieħed, ippakkjati f’borża tal-plastik trasparenti li tista’ terġa’ tingħalaq u li tesa’ sa litru.
Dawn ir-regolamenti daħħlithom fis-seħħ il-Kummissjoni Ewropea sabiex issaħħaħ is-sigurtà wara t-tentattivi terroristiċi biex jiġu sploduti diversi ajruplani waqt li jkunu fl-ajru permezz ta’ splużivi magħmulin bl-idejn fl-Ingilterra fl-2006.
Kitba: Luigi Sghendo