L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta sar l-ewwel ajruport fl-Unjoni Ewropea li kiseb iċ-ċertifikat internazzjonali li jirrikonoxxi l-impenn tal-kumpanija fil-ħarsien tal-benessri fiżiku u psikosoċjali tal-impjegati tagħha.
Filwaqt li l-Ajruport Malti kien fuq quddiem fost ajruporti oħra rigward is-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol, il-kumpanija kisbet ċertifikat ieħor dwar il-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
Rigward dan, l-Uffiċjal Kap għas-Saħħa u s-Sigurtà, Daniela Borg saħqet li ż-żewġ ċertifikati li kisbet l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta huma xhieda tal-impenn biex jħares u ssaħħaħ is-saħħa u s-sigurta tal-ħaddiema tiegħu.
Il-kumpanija qed tkompli timplimenta miżuri differenti dwar is-saħħa u s-sigurtà li jinkludu l-assessjar kontinwu tar-riskji, l-infurzar ta’ protokolli stretti u t-taħriġ adegwat u kontinwu lill-impjegati.