Bi tħejjija għat-titjib li ser isir fis-sistema tal-ajruport li tipproċessa l-bagalji (Baggage Handling System (BHS)), fuq liema diġà qed isiru xi xogħlijiet, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ser ikun qed iwettaq serje ta’ eżerċizzji biex jiżgura perjodu ta’ tranżizzjoni mingħajr intoppi, filwaqt li jevalwa wkoll kemm huwa ppreparat f’każ ta’ problemi fl-ipproċessar tal-bagalji.
L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jixtieq javża lill-passiġġieri li nhar it-Tnejn 20 ta’ Novembru ser isir eżerċizzju ta’ simulazzjoni bejn l-16:00 u s-18:00, f’liema ħin l-ajruport ser ikun qed jopera sistema manwali ta’ proċessar tal-bagalji.
Filwaqt li hemm biss possibbiltà żgħira li s-sistema li tipproċessa l-bagalji ma tiffunzjonax kompletament, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed iwettaq eżerċizzji ta’ tħejjija li huma mmirati li jevalwaw kemm huwa robust il-pjan ta’ kontinwità tan-negozju tal-kumpanija. Dawn l-eżerċizzji jistabbilixxu jekk it-tim tal-ajruport, il-partijiet interessati li jaħdmu fit-terminal u l-infrastruttura ta’ emerġenza humiex mgħammrin kif xieraq sabiex jiġġestixxu sitwazzjoni bħal din bl-anqas inkonvenjent possibbli għall-passiġġieri.
L-investiment f’sistema moderna li tipproċessa l-bagalji, mixtrija mingħand wieħed mill-aqwa fornituri fl-industrija Daifuku Logan, ser ikun qed iħejji t-triq għal konformità sħiħa mad-dispożizzjoni tal- European Civil Aviation Conference (ECAC) li tistipula li sal-2020 kull ajruport Ewropew għandu jkollu kapaċità ta‘ skrining tal-bagalji li tikkumbina teknoloġija tal-x-ray u topografija kompjutizzata (Computed Topography (CT)).
Is-sistema l-ġdida tal-ipproċessar tal-bagalji ser twitti t-triq għall-installazzjoni imminenti ta‘ tmien check-in desks ġodda, li ser itejbu l-effiċjenza tal-ajruport. Dan il-proġett infrastrutturali ser jippermetti wkoll lill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jkompli jżid il-kapaċità tiegħu permezz ta’ pjanijiet futuri ta’ espansjoni.
It-titjib tas-sistema li tipproċessa l-bagalji jifforma parti mill-Proġett ta’ Rikonfigurazzjoni tat-Terminal tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, li permezz tiegħu l-kumpanija investiet €12-il miljun f’titjib infrastruttrutrali sabiex l-esperjenza tal-passiġġieri fl-ajruport dejjem tkun waħda aħjar.
Aktar dwar l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta
L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta huwa l-uniku ajruport tal-gżejjer Maltin u jgħaqqad lill-pajjiż ċkejken ma’ ‘l fuq minn 80 destinazzjoni permezz ta’ aktar minn 30 linja tal-ajru. 97% tat-turisti li jżuru Malta jgħaddu mill-ajruport u dan jirriżulta fi traffiku ta’ aktar minn 5 miljun passiġġier fis-sena. L-ajruport jiġġestixxi wkoll ’il fuq minn 15,000 tunnellata ta’ merkanzija annwalment. L-2017 timmarka l-25 anniversarju mill-inawgurazzjoni tat-terminal. Matul dan iż-żmien, it-terminal kiber biex illum il-ġurnata jsostni aktar minn 4,000 impjieg u joffri 45 stabbiliment kummerċjali u tal-ikel u spazju għal aktar minn 1,500 karozza. L-impenn tal-MIA lejn l-għoti ta’ servizz eċċellenti wasslu sabiex ikun fost l-aqwa ħames ajruporti Ewropej fl-istħarriġ ASQ tal-ACI sa mill-2010, kif ulkoll għall-kisba ta’ 4 stilel mogħtijin minn Skytrax. SkyParks Business Centre huwa proġett tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta; ċentru tan-negozju b’ċertifikat ekoloġiku BREEAM mifrux fuq kważi 10,000 metru kwadru ta’ spazju għal uffiċini u 4,000 metru kwadru ta’ ħwienet u faċilitajiet oħrajn. Sabiex jimmassimizza l-kontribut tiegħu lejn il-patrimonju kulturali u l-ambjent Malti, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta waqqaf il-Malta Airport Foundation fl-2015, organizzazzjoni mmexxija b’mod indipendenti u li ma tagħmilx qligħ.
Għal aktar informazzjoni żur www.maltairport.com jew www.facebook.com/maltairport