Il-Coronavirus mhux mistenni li jkollu impatt ta’ tliet biljun ewro fuq l-ekonomija Maltija.
Dan qalitu l-assoċċazzjoni Maltija għal-lukandi u r-ristoranti, l-MHRA, b’referenza għal artiklu li ppublikat dalgħodu t-Times.
L-assoċċazzjoni tistqarr li minkejja li qed tistenna telf sinnifikanti, l-artiklu skorrettament jgħid li l-imxija ser tagħti daqqa ta’ ħarta lill-ekonomija li ser tammonta għal tliet biljuni.
L-MHRA hija kunfidenti li s-settur tat-turiżmu ser jerġa jieħu spinta qabel tmiem din is-sena.
L-assoċċazzjoni stqarret ukoll li d-dikjarazzjoni li għamlet it-Times li tgħid li ħamsin elf xogħol jinsab fil-periklu hija dikjarazzjoni sensazzjonali, mhux neċessarja u kompletament bla bażi.
Il-President tal-Assoċċazzjoni Tony Zahra emfasizza li l-MHRA qiegħda taħdem fil-viċin mal-imsieħba soċjali u l-Gvern biex jissalvgwardjaw l-impjiegi.
Is-Sur Zahra spjega li l-miżuri t’appoġġ li tnedew jimmiraw li jżommu l-qafas tas-sistema tax-xogħol f’postha. B’hekk dawn il-miżuri jassiguraw il-kapaċità li l-operat jerġa’ jibda jaħdem b’mod normali fil-ħin opportun.
L-istqarrija temmet tgħid li dan mhuwiex iż-żmien biex insiefru iżda kif din il-burraxka tgħaddi u kollox jirritorna għan-normal, Malta għandha tkun lesta u ser tkun lesta permezz tal-miżuri li tniedu biex jintlaqgħu t-turisti.