Il-prodott offrut lit-turisti, l-akkomodazzjoni u l-konnettività huma t-tlett binarji li fuqhom fasslet il-proposti għal qabel il-baġit l-MHRA. Dawn kollha marbuta mat-tema ċentrali li għażlet l-assoċjazzjoni għad-dokument tal-baġit tas-sena d-dieħla ta’ ‘Ħolqien tal-ġid komuni”.
Fil-proposti tagħhom l-MHRA qed jinkoraġixxu li l-mudell tal-Private Public Partnership jintuża iktar ta’ spiss għaliex iwassal għal riżultati iktar effiċjenti. Dwar il-qasam tal-enerġija, l-MHRA saħqet li mhijiex se titlob għal iktar roħs fil-kontijiet iżda appellaw lill-gvern biex jinkludi miżuri fil-baġit li jnaqqsu l-konsum tad-dawl u l-ilma.
Fejn tidħol l-akkomodazzjoni, Tony Zahra f’ isem l-MHRA fakkar kif kulħadd investa biex itejjeb il-prodott u l-livell li joffri lit-turist iżda fakkar fl-isfida li joffru l-akkomodazzjonijiet mhux liċenzjati, u għalhekk appella għal iktar infurzar.
Il-Prim Ministru stqarr li l-ammont bla preċedent ta’ turisti li qed jara pajjiżna qed joffri sfida għall-infrastruttura li qatt ma saru pjanijiet għaliha fil-passat, għalhekk fil-baġits li jmiss, pajjiżna jrid jaħseb għal strutturi li jifilħu għall-popolazzjoni Maltija u għat-turisti li jżuruna.