L-Assoċjazzjoni Maltija għas-Sidien tal-Lukandi u tar-Ristoranti, l-MHRA, laqgħet dak imħabbar ilbieraħ mill-Prim Ministru Robert Abela, li qal li wasal iż-żmien li jitneħħew ir-restrizzjonijiet kollha marbuta mal-Covid u jkunu n-nies li jagħżlu kif jieħdu ħsieb lilhom infushom.
Fi stqarrija, il-President tal-MHRA Tony Zahra qal li dan imur id f’id ma’ dak li ċertu pajjiżi diġà għamlu u ma’ dak li l-Assoċjazzjoni nnifisha kienet qed tirrakkomanda biex isir f’Malta.
Żied li fl-aħħar sentejn, l-industrija tal-ospitalità mxiet mal-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa u bi sforz kollettiv, Malta rnexxielha tgħaddi mill-isfidi diversi li ppreżentatilha l-pandemija.
L-istqarrija kompliet tgħid li l-programm ta’ vaċċinazzjoni ta’ pajjiżna ttrasforma s-sitwazzjoni f’Malta u issa jmiss li mmorru lura għan-normalità kif nafuha qabel il-pandemija.
Is-Sur Zahra qal li l-membri tal-MHRA qed jistennew b’ħerqa r-ritorn tat-turisti f’pajjiżna biex il-postijiet turistiċi f’Malta u f’Għawdex jerġgħu jimtlew bil-ħajja.
Dan billi jitneħħew ir-restrizzjonijiet li fadal u kulħadd jitħalla jgħix kif jixtieq, temmet tgħid l-istqarrija tal-MHRA.