- Il-konnettività tal-Air Malta se tiżdied abbażi ta’ vijabilità kummerċjali li tagħmel sens
Il-Ministeru għat-Turiżmu fi stqarrija irrefera għall-stqarrija tal-Assoċjazzjoni tal-Lukandiera u Ristoranti (MHRA), bit-titolu ‘‘Is Air Malta shutting shop by stealth?’’
Il-kwistjoni kollha, spjega l-Ministeru, hi dwar jekk irridux li l-Air Malta tibda tieħu deċiżjonijiet kummerċjali, hekk kif dejjem tinsisti l-MHRA, jew inkella tibqa’ tibża’ milli tieħu deċiżjonijiet importanti u diretti li jassiguraw il-vijabilità kummerċjali tagħha.
Fi kliem il-Ministeru: “Id-deċiżjoni dwar Manchester, wara dik ta’ Frankfurt, hija parti minn strateġija u minn tibdil intern li dan il-gvern huwa kommess li jwettaq biex il-linja nazzjonali tal-ajru toħroġ mid-diffikultajiet kbar li ntefgħet fihom taħt amministrazzjonijiet preċedenti. Id-deċiżjoni ta’ Manchester kienet ibbażata fuq il-fatt li, biex ittir ir-rotta, l-Air Malta kienet ipproġettata li titlef sa żewġ miljun ewro.
Il-Gvern huwa determinat li jxejjen id-deċiżjonijiet ħżiena li ttieħdu taħt amministrazzjonijiet preċedenti, kif ukoll li jieħu deċiżjonijiet importanti li dwarhom ilha ssir prokrastinazzjoni għal snin twal. Dan anke fid-dawl tas-settur tal-avjazzjoni li hu dejjem aktar kompetittiv u aggressiv.
Ir-realtà hi li l-konnettività bl-ajru għax-xitwa 2016-2017 u għas-sajf 2017 se tiżdied u mhux tonqos. Dan se jkompli jsaħħaħ is-suċċessi fis-settur turistiku li minnu qed igawdu l-membri tal-MHRA u l-pajjiż kollu. Għalhekk l-2017 mistennija tkun saħansitra sena aktar pożittiva minn din is-sena.”
Għaldaqstant, il-Ministeru ikkonkluda li l-linja tal-ajru mhijiex ‘‘shutting shop by stealth’’ kif indikat fl-istqarrija tal-MHRA, imma qed tkun linja tal-ajru li tieħu deċiżjonijiet li kummerċjalment jagħmlu sens u li jassiguraw il-vijabilità kummerċjali tagħha għall-ġejjieni.