Bl-infrastruttura tal-akkomodazzjonijiet turistiċi li għandu u li hemm pjanati bħalissa, pajjiżna se jkun jiflaħ li jkollu madwar ħames miljun turist f’sena.
L-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti, l-MHRA, qalet li, biex eventwalment ikollna okkupanza ta’ tmenin fil-mija fl-akkomodazzjonijiet turistiċi, huwa kkalkulat li Malta se jkollha bżonn madwar 4.7 miljun turist matul sena sħiħa.
Dan ħareġ minn studju li sar mill-kumpanija Deloitte u li ġie kkummissjonat mill-MHRA.
Minn dna l-istħarriġ irriżulta wkoll li aktar minn disgħin fil-mija tat-turisti li ġew f’pajjiżna fuq btala kienu sodisfatti.
Intqal li sfida li qed jaffaċċja dan is-settur huwa n-nuqqas ta’ ħaddiema, xi ħaġa li qed tkun riflessa madwar il-kontinent Ewropew kollu, hekk kif matul is-sajf kien hemm diversi strajkijiet minn kumpaniji tal-ajru internazzjonali, li affettwaw diversi titjiriet.
Skont dan l-istudju, il-ħaddiema Maltin fis-settur turistiku lokali naqqsu bin-nofs. Fl-2010, tmenin fil-mija tal-ħaddiema fis-settur turistiku kienu Maltin u għaxar snin wara, jiġifieri fl-2020, il-ħaddiema Maltin f’dan il-qasam kienu jammontaw għal erbgħin fil-mija.
Preżenti għall-preżentazzjoni ta’ dan l-istudju kien hemm il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, li qal li dan is-sajf it-turiżmu f’pajjiżna kien wieħed pożittiv u aħjar minn dak mistenni sitt xhur ilu, fil-bidu tal-istaġun turistiku.
Il-Ministru Bartolo qal li l-aktar suq b’saħħtu matul dan is-sajf kien dak mill-Polonja, minn Franza, u mill-Italja.
Huwa saħaq li fl-istaġun tax-xitwa, li se jkun l-ewwel wieħed wara l-pandemija, is-settur turistiku se jkun wieħed pożittiv, hekk kif se jinfetħu numru ta’ rotot ġodda.
Il-Ministru Bartolo semma li, aktar tard din is-sena, il-Gvern se jibda xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni fl-Għadira, li hija żona popolari mat-turisti. Fl-istess waqt, għaddejjin studji biex jitjiebu l-lokalitajiet turistiċi ta’ Buġibba, San Pawl il-Baħar, u Paceville.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-MHRA, Andrew Agius Muscat, qal li dan l-istudju ġie ppubblikat fil-mument opportun, waqt li dan is-settur qed jesperjenza l-irkupru mill-pandemija u issa qed jaffaċċja sfidi oħra, fosthom dawk tal-inflazzjoni kkaġunata mill-gwerra fl-Ukrajna.