L-Assoċjazzjoni Matlija tar-Ristoranti u l-Lukandiera, l-MHRA, laqgħet b’sodisfazzjon l-iskemi li ħabbar il-Gvern b’rabta mal-pjan ta’ rkupru fil-qasam tat-turiżmu.
Fi stqarrija l-MHRA faħħret l-iskemi li jinkludu għotjiet lit-turisti li jirriservaw kmamar f’lukandi Maltin u Għawdxin tul is-sajf li ġej, kif ukoll l-iskema l-oħra li tinkludi investiment ta’ €3 miljun li tolqot lill-operaturi tal-ivjaġġar biex ukoll iħajru lit-turisti jagħżlu lil pajjiżna bħala d-destinazzjoni li jżuru.
Il-President tal-MHRA, Tony Zahra, innota kif is-settur tat-turiżmu qed iħejji lilu nnifsu biex jiżgura li jimxi ‘l quddiem wara xhur diffiċli kawża tal-pandemija.
Qal kif l-industrija tinsab ottimista u kif ukoll sodisfatta bl-inċentivi li qed jipprovdi l-Gvern biex jgħin lil dan is-settur li tant għandu bżonn.
L-MHRA qalet li tapprova din id-deċiżjoni ta’ reklamar u aktar inċentivi li ħabbar il-Ġimgħa l-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo.
Qalet li dawn se jservu ta’ appoġġ importanti b’mod partikolari fil-qasam tal-lukandi biex b’hekk pajjiżna jiġi rriklamat bħala destinazzjoni sigura.
L-MHRA tenniet dwar l-importanza li ġġorr magħha r-responsabbiltà li kulħadd għandu jkollu sabiex il-pajjiż joħroġ aktar b’saħħtu mill-imxija.