Wara sentejn li kienu ddominati mill-isfidi tal-pandemija, għal dawn il-Festi, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti, l-MHRA, qed tbassar negozju b’saħħtu.
Il-President tal-Assoċjazzjoni, Tony Zahra, ikkummenta ma’ One News dwar kif din is-sena, wara li ġew illaxkati r-restrizzjonijiet marbuta mal-imxija, is-setturi tal-ospitalità u tal-ikel bdew jirkupraw b’rata mgħaġġla.
Huwa żied jgħid li din is-sena huwa saħansitra mistenni li l-lukandi se jkunu ospitaw numru ta’ klijenti komparabbli ma’ dak tal-livelli ta’ qabel il-pandemija.
“Fejn jidħlu l-lukandi se jkollna staġun tajjeb, speċjalment f’dawn il-Festi, fejn qed nistennew li nkunu lħaqna kważi l-iktar numri għoljin li kellna fi żmien l-2018 u l-2019, meta kienu rekord assolut ta’ dħul fil-lukandi.”
Tony Zahra tkellem ukoll dwar is-sentiment pożittiv li qegħdin jirrappurtaw ir-ristoranti.
“Kulħadd qed jirrapporta bookings tajbin, deħlin. Il-Maltin jidhru li se joħorġu iktar bi ħġarhom dan il-Milied. Nistennew illi jkun, għax kellna sentejn fejn konna magħluqin u allura nistennew li jkun hemm iktar konkorrenza.”
Zahra ma naqasx milli jinnota li dan is-settur qiegħed f’din il-pożizzjoni b’saħħitha minħabba l-għajnuna li l-istess settur sab waqt il-pandemija.
Din l-għajnuna tinkludi l-wage supplement, li llum il-ġurnata ssarraf f’eluf ta’ impjiegi li ma ntilfux f’dan is-settur, li tant jirrikjedi riżorsi umani.
“Bħala sidien aħna kellna sentejn illi kienu diffiċli ħafna, fejn imnalla illi kellna l-għajnuna mill-Gvern fejn jidħol il-wage supplement, għax kieku kienet tkun sitwazzjoni differenti, fejn ħafna minna kienu jkunu batuti ħafna.”
Il-President tal-MHRA temm jgħid li l-Assoċjazzjoni tinsab ottimista għas-sena l-ġdida, li mistennija ġġib magħha aktar irkupru għal dan is-settur tant importanti għall-ekonomija Maltija.