L-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u Ristoranti (MHRA) innotat stqarrija tal-Unjin tal-Cabin Crew li avżat li l-membri tagħha se jaħdmu ‘work to rule’, ċioe il-minimu possibbli.
L-MHRA sejħet lill-unjins kollha li jirrappreżentaw ħaddiema tal-Air Malta biex jqajmu l-punti li għandhom iqajmu b’mod sensat u mhux bil-forza, li tista’ biss tagħmel is-sitwazzjoni agħar.
Tony Zahra, president tal-MHRA, wissa li azzjonjiet industrijali bħal dawn jistgħu jagħmlu dannu kbir lill-ekonomijia ġenerali u lis-settur tat-turiżmu.
“L-Air Malta mhix ‘cash cow'” insista Zahra, filwaqt li qal li l-impjegati jridu jifhmu r-rwolijiet u responsabilitajiet tagħhom, u l-livell ta’ produttività jrid ikompli jkun sostnut fil-mudell il-ġdid ta’ Air Malta sostenibbli.
L-MHRA stqarret madanakollu li l-management tal-Air Malta għandu jkompli jidjaloga mal-partijiet kollha involuti, inkluż mal-ħaddiema tal-unjins. Il-Gvern għandu jkompli jfittex l-aħjar soluzzjonijiet għall-Air Malta, flimkien ma’ msieħba strateġiċi. “L-Air Malta mhix piż nazzjonali iżda ass importanti – u għandha tkun meqjusa b’dan il-mod” qal Zahra.
Temm jgħid li “azzjonijiet li jimminaw l-industrija tat-turiżmu, u b’hekk l-għixien ta’ eluf ta’ nies, jibqgħu inaċċettabbli għall-MHRA”.