L-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti esprimiet it-tħassib tagħha għall-fatt li lbieraħ filgħaxija, kważi l-piloti kollha tal-ALPA vvutaw favur azzjoni industrijali.
Fi stqarrija, l-MHRA innotat b’sodisfazzjon l-istrateġija tal-Air Malta li tkompli tikber u ssir il-linja tal-ajru tal-Mediterran, u allura jekk isir strajk jinħoloq inkonvenjent kbir għal kull min irid jivjaġġa.
Dan minbarra l-ħsara enormi li ssir lill-industrija tat-turiżmu, li fl-aħħar snin rat investiment bla preċedent ta’ miljuni ta’ ewro biex ittejjeb il-prodott u l-infrastruttura.
Għaldaqstant, l-MHRA appellat biex tinstab soluzzjoni kemm jista’ jkun malajr.