Il-Moviment għad-drittijiet tal-persuni omosesswali, l-MGRM ikkundanna l-kummenti ħorox li għadda d-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo kontra ż-żwieġ għall-koppji tal-istess sess.
Edwin Vassallo tkellem fuq il-programm ‘Ilwien’ fejn sejjaħ bħala diżumani l-liġi tad-divorzju u l-liġi li ppermettiet koppji tal-istess sess jissiebħu fi żwieġ.
Vassallo qal, “Jien naħseb diġà vvutajt darbtejn li jiena dehruli, mhux fil-fidi tiegħi ta, li huma diżumani li se jagħmlu ħsara fil-ġid komuni. – X’kienu? – waħda tad-divorzju u oħra taż-żwieġ LGBTIQ.”
Saħansitra qal li dawn il-liġijiet tad-divorzju u taż-żwieġ indaqs, li tat l-opportunità li koppji tal-istess sess jiżżewġu, huma skwerra falza.
Skont Edwin Vassallo bil-liġi tad-divorzju u taż-żwieġ indaqs morna lura.
Għal dawn il-kummenti, l-MGRM qal li ġurnata biss wara l-ħatra tax-Shadow Cabinet ta’ Bernard Grech u qabel l-MGRM tkellem mal-Kelliema għad-drittijiet umani li ħatar il-Kap tal-Oppożizzjoni, Edwin Vassallo, li hu wkoll kelliem għall-istess Oppożizzjoni, mar lil hinn mit-twemmin reliġjuż tiegħu.
L-MGRM ikkundanna l-attentat ta’ Vassallo li pprova jneżża’ l-imħabba ta’ bejn persuni tal-istess sess mill-umanità.
Fil-fatt, ma’ dan l-istazzjon, il-ko-kordintraċi tal-MGRM Sylvia Chircop qalet li l-omosesswali huma nies bħall-oħrajn li jħobbu lil ħaddieħor.
Hija sostniet: “M’hemm xejn ħażin fl-imħabba tagħhom lejn persuni tal-istess sess u ħaddieħor u li huma nies fl-aħħar mill-aħħar. Aħna m’għandna xejn inqas minn ħaddieħor u li tgħid li hija xi ħaġa diżumana li tħobb lil persuna oħra hija onestament hija diżappunt u mhux l-iskop tal-persuna fil-politika. Fl-aħħar mill-aħħar kemm il-Gvern u kemm l-Oppożizzjoni xogħolhom hu li jaħdmu għas-soċjetà f’Malta.”
Lil Edwin Vassallo, l-MGRM qallu li n-nuqqas ta’ umanità qiegħda f’min ma jafx iħobb u bena karriera politika fuq il-mibegħda u mhux fiż-żwiġijiet u f’familji mibnija fuq imħabba u rispett.
Chirchop tenniet: “Kulħadd għandu d-dinjità tiegħu, kulħadd huwa parti ta’ valur fis-soċjetà tagħna u jikkontribwixxi b’mod li jkunu kuntenti u li huma ugwali daqs ħaddieħor.”
L-MGRM talab lill-Kap tal-Oppożizzjoni jieħu azzjoni jekk ma jaqbilx mad-diskors ta’ Edwin Vassallo, li din id-darba kien ċar daqs il-kristall.
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/01/20/bil-filmat-jghid-li-bil-ligi-tad-divorzju-u-z-zwieg-ghall-koppji-lgbtiq-morna-lura-u-huma-dizumani/