L-Awtorità Maltija għall-Gaming, l-MGA waqqtet taqsima ġdida fi ħdanha dwar l-integrità fil-qasam sport bil-għan li tkompli ssaħħaħ il-ħidma tagħha kontra l-manipulazzjoni u l-abbuż fil-kompetizzjonijiet tal-isport.
L-irwol ta’ din it-taqsima se jkun li tiġbor kemm tista’ intelliġenza u informazzjoni marbuta ma’ mħatri suspettużi.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Heathcliff Farrugia spjega li din l-informazzjoni se tintbagħat lill-awtoritajiet u aġenziji oħrajn bħal Pulizija biex b’hekk titkompla l-ħidma sfieqa li l-Awtorità diġà qed twettaq biex tinvestiga attivitajiet ta’ mħatri suspettużi u irregolari.
Heathcliff Farrugia stqarr “In-line mal-affarijiet li diġà nagħmlu, irridu ngħidu hawn li l-awtorità diġà taħdem fejn jidħol ir-rapport fuq il-manipulation of sports, diġà nagħmlu ħafna xogħol lokali kemm mal-pulizija lokali kif ukoll ma’ entitajiet lokali kif ukoll ma’ entitajiet barranin, internazzjonali”.
Spjega kif permezz ta’ din l-entità se jkunu qed jiġu osservati sistemi ta’ mħatri kif ukoll operaturi tal-gaming biex b’hekk jitnaqqas l-abbuż f’dan il-qasam li minnu jgħaddu miljuni kbar.
Is-Sur Farrugia qal kif l-istess entità se taħdem id f’id mal-Awtorità Maltija għall-Gaming sabiex b’hekk jiġu implimentati diversi inizjattivi u jiddaħħlu liġijiet ġodda biex jitnaqqas u jitwaqqaf l-abbuż.
Farrugia temm jgħid li “Ħassejna l-bżonn li peress li d-domanda qed tikber, peress li dawk li huma liċenzjati mill-awtorità dejjem qed qegħdin dejjem jgħaddulna aktar rapporti fejn ikun hemm logħob li hu suspettuż – allura ħassejna l-bżonn li t-tim irid jiġi fformalizzat u barra minn hekk irridu nsaħħu wkoll sabiex inkunu nistgħu nlaħħqu mad-domanda li dejjem qed nirċievu ta’ logħob li jista’ jkun suspettuż.”
Din l-entità se titmexxa mill-Uffiċjal Għoli, Antonio Zerafa fejn se jkun qed iservi bħala Uffiċjal tal-Integrità. Dan wara erba’ snin ta’ ħidma fi ħdan l-MGA fejn serva f’diversi rwoli fid-dipartiment tal-Iscreening tal-Kriminalità.