Fl-2023, l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA, wettqet 474 investigazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji, fejn aktar minn 25% tagħhom kienu marbutin ma’ frodi u negozji mhux awtorizzati.
Dawn il-każi kienu spiss jinvolvu skemi suspettużi bħal ‘clone companies’ u pjattaformi ta’ bdil mhux liċenzjati. Fil-fatt, l-MFSA ħarġet 34 twissija pubblika u avviżi għall-konsumatur biex tissalvagwardja lill-konsumaturi.
L-MFSA ħadet 77 azzjoni ta’ inforzar fl-2023, fosthom 60 penali amministrattiva, li jammontaw għal €444,800 f’multi. Madwar 80% ta’ dawn il-penali kienu għan-nuqqas ta’ sottomissjoni ta’ dokumentazzjoni statutorja, li affettwaw primarjament skemi ta’ investiment kollettiv u ditti tal-assigurazzjoni.
Aktar minn nofs l-investigazzjonijiet tal-2023 ittrattaw sottomissjonijiet tard ta’ dokumentazzjoni, filwaqt li oħrajn indirizzaw kwistjonijiet ta’ governanza, manipulazzjoni tas-suq, bejgħ ħażin u kriminalità finanzjarja. Is-settur tal-investiment ra l-ogħla numru ta’ investigazzjonijiet, segwit minn assigurazzjoni, pensjonijiet u trustees u fornituri ta’ servizzi tal-kumpaniji.
Il-Kap Uffiċjali tal-Inforzar Michelle Mizzi Buontempo enfasizzat l-importanza tal-inforzar biex jintlaħqu l-għanijiet tal-MFSA u tiġi żgurata trasparenza regolatorja.
Hi nnotat li l-introduzzjoni ta’ mudell ta’ kalkolu tal-penali tejbet il-ġustizzja u l-effettività tal-azzjonijiet ta’ inforzar.