L-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta, l-MFSA, organizzat konferenza ta’ ġurnata fejn laqqgħet lil diversi partijiet biex jiddiskutu r-regolament il-ġdid dwar l-assi crypto.
Dan għamlitu permezz tal-Akkademja tas-Superviżuri Finanzjarji, l-FSA, li tellgħet din il-konferenza bil-parteċipazzjoni ta’ aktar minn sitt mitt rappreżentant lokali u internazzjonali minn oqsma varji tas-setturi finanzjarji.
Fil-fatt, kienu mat-tnejn u tletin kelliem, fosthom numru konsiderevoli ta’ esperti barranin mill-Ewropa u l-Istati Uniti, li tefgħu dawl fuq il-preżent tas-settur finanzjarju bil-għan li jkompli jinkiseb aktar għarfien dwar is-sisien regolatorji li jirregolaw l-assi crypto.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MFSA, Kenneth Farrugia, innota ma’ dan l-istazzjon li l-dawn l-assi finanzjarji virtwali aktar qed isiru komuni fid-dinja finanzjarja u għalhekk fuq livell lokali u Ewropew dawn l-assi jeħtieġu li jkollhom regolamentazzjoni b’saħħitha li tassigura l-kwalità f’dan il-qasam.
Qal, “Il-prinċipji li japplikaw, japplikaw għas-settur finanzjarju wkoll jiġifieri hemmhekk għandek l-awtoritajiet u anke l-imsieħba li jkunu qegħdin jaħdmu li joqogħdu ħafna attenti għal cyber security li hi r-reġim li qed jaħdem fuq is-sistemi elettroniċi. Għandek ukoll il-qafas ta’ kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Għandek ukoll il-protezzjoni tal-konsumatur.”
Hu nnota wkoll li pajjiżna ilu li adotta fil-liġijiet tiegħu regolamentazzjoni dwar dawn l-assi diġitali u għaldaqstant l-introduzzjoni tar-regolamentazzjoni Ewropea, imsejħa MiCA, fil-qasam is-sena d-dieħla mhux se tkun ta’ xokk qawwi għas-suq lokali.
Stqarr, “Bħala Malta, aħna diġà għandna l-esperjenza, għax bdejna nħaddmu il-qafas legali mhux biss billi ktibnieh, imma anke billi nagħmlu s-superviżjoni tiegħu. Għal dan il-lat organizzajna din il-konferenza fejn laqqajna ’l fuq minn sittin persuna li ġejjin minn ħamsin entità jew awtorità regolatorja jew inkella ta’ intelligence u anke mill-awtoritajiet ta’ inforzar barranin.”
Hu temm jgħid kif l-għan aħħari ta’ din il-konferenza kien li l-parteċipanti jaqsmu l-ideat u l-aqwa prattiċi bejniethom, filwaqt li jistabbilixxu relazzjoni ta’ koperazzjoni biex dan is-settur jinżamm wieħed nadif.